Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan tenna l-oppożizzjoni tiegħu dwar is-sħubija tal-Finlandja u l-Iżvezja fin-NATO.
Dan kien stqarru ftit sigħat biss wara li ż-żewġ pajjiżi qalu li se jridu jingħaqdu ma’ din l-alleanza militari.
Il-President Tork qal li l-ebda delegazzjoni mibgħutha miż-żewġ pajjiżi Skandinavi m’huma se jikkonvinċuh milli jbiddel il-pożizzjoni tiegħu.
Erdogan esprima t-tħassib tiegħu dwar li l-Finlandja u l-Iżvezja m’għandhomx politika ċara fuq organizzazzjonijiet terroristiċi, fil-fatt, it-Turkija takkuża liż-żewġ pajjiżi li qed jagħtu kenn lill-militanti Kurdi.
F’konferenza t-Tnejn filgħaxija, il-President Tork ikkonferma li t-Turkija opponiet is-sħubija tal-Finlandja u l-Iżvezja, li ddiskrivihom bħala niċċa għall-organizzazzjonijiet terroristiċi.
It-Turkija wiegħedet ukoll li se tkun qed topponi kull applikazzjoni minn pajjiżi li imponew sanzjonijiet fuqu.