Il-kummerċ u t-turiżmu fid-dawl tal-Aġenda Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli flimkien mal-modi ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkun ta’ aktar sostenn biex tonqos il-migrazzjoni ekonomika partikolarment mill-Afrika, kienu fost is-suġġetti ta’ laqgħa bilaterali bejn delegazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mal-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Soċjali u Ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-kumitat konsultattiv għandu rwol li jagħti vuċi u jinfluwenza l-proċess leġislattiv tal-Unjoni Ewropeja hekk kif il-kumitat jinkludi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u rappreżentanti ta’ gruppi b’interessi varji
Il-kumitat għamel enfasi partikolari fuq kif it-turiżmu jista’ jkun katalist għall-iżvilupp sostennibbli u anke jiġi xprunat l-iżvilupp ekonomiku fl-Afrika, anke fid-dawl ta’ żewġ dokumenti riċenti li ħareġ dan il-kumitat.
Dan il-kumitat saħaq li elementi fundamentali li jikkaratterizzaw l-istrateġija għall-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli għandhom ikunu d-diġitalizzazzjoni, il-kultura, it-taħriġ tal-ħaddiema, l-impatt tat-turiżmu tal-massa u l-użu sostenibbli tar-riżorsi, inkluż l-enerġija. Elementi li kulma jmur qed isiru aktar importanti fid-dawl ta’ kif il-COVID-19 ġabet din l-industrija tant importanti għall-ekonomija dinjija prattikament fix-xejn.
Għaldaqstant ġew diskussi wkoll l-irwol u l-importanza tal-fondi Ewropej fil-programm li jmiss, biex l-industrija tat-turiżmu terġa’ tqum fuq saqajha mill-aktar fis possibbli u biex tkun hi stess il-mutur ewlieni fil-qawmien mill-ġdid tal-ekonomiji Ewropej, inkluż tagħna.