Hekk kif, għall-ewwel darba wara l-pandemija, inkiser kull rekord fit-turiżmu li laqa’ pajjiżna, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, ippreżentat bosta ċifri b’rabta ma’ iżjed minn tliet miljun turist li ġew f’pajjiżna s-sena li għaddiet.
II-maġġoranza tat-turisti li żaru pajjiżna kellhom etajiet ta’ bejn il-25 u l-64 sena.
Meta mqabbel mal-2019, l-akbar żidiet prominenti kienu fost it-turisti Taljani, Pollakki u Franċiżi. Fil-fatt, ċifri juru li kien hemm żieda ta’ aktar minn mija u ħamsa u ħamsin elf turist Taljan, mat-tlieta u sittin elf Pollakk u ftit inqas minn sebgħa u erbgħin elf Franċiż.
Iż-żieda sinifikanti ta’ aktar minn sittin fil-mija fost it-turisti Pollakki meta mqabbla mal-2019, tiġġustifika l-fatt li r-rotot mill-Polonja kienu l-aktar impenjati wkoll matul l-ewwel xahar ta’ din is-sena.
L-MTA ukoll indikat persentaġġi ta’ turisti minn bosta swieq li kienu qed jerġgħu jżuru pajjiżna jew kienu ġew hawn għall-ewwel darba.
Skont l-istatistika, ir-Renju Unit kellu l-akbar ammont ta’ turisti li ma kinitx l-ewwel darba li żaru Malta, waqt li minn Franza l-akbar ammont ta’ turisti li ġew għall-ewwel darba.
Ix-xemx u l-kultura kienu l-aktar imfittxijin mit-turisti fostna, bl-ogħla persentaġġi li jagħżlu l-gżejjer tagħna għat-temp lussuż u l-attrazjonijiet kulturali li għandna x’noffru.
Din l-istatistika tixhed kemm il-ħidma kulturali mill-Gvern Laburista hi waħda pożittiva, inkluż issa li fil-Baġit għal din is-sena żdiedet l-allokazzjoni fis-settur kulturali b’€20 miljun għal total ta’ €104 miljun.
Minbarra hekk, l-MTA saħħet il-kampanji tagħha barra minn xtutna, permezz ta’ VisitMalta, b’reklamar prominenti f’diversi bliet ewlenin bħal Milan, Madrid, Londra, Varsavja, fuq l-istazzjon nazzjonali Amerikan CBS, fil-magazin popolari Vanity Fair u sponsorships, bħal dak tat-tim Ingliż ta’ Manchaster United.