Waqt sessjoni oħra ta’ Gvern li jisma, l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li tkun qed issir binja ġdida li se tkun iddedikata għall-outpatients. Spjega li kien hemm diskussjonijiet mal-Awtoritá tal-Ippjanar u l-ħsieb hu li l-binja jkollha ukoll ħames sulari taħt l-art għall-parking. Dan għaliex in-numru ta’ outpatients żdied u għalhekk il-Gvern qed jaħdem biex joffri l-aqwa servizz.
Fuq tema oħra l-Ministru qal li d-diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija se jkomplu. Dan bit-tir li jkun hemm qbil fuq ftehim kollettiv li jindirizza l-kundizzjonijiet tat-tobba. Fi kliemu dan il-ftehim għandu jsir b’mod li l-pazjenti jibqgħu jirċievu l-aqwa servizz.
Is-sessjoni kienet indirizzata ukoll mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li tkellem dwar is-suċċessi li nkisbu fil-qasam mediku u niċċa ġdida li għad trid tħalli riżultati; dik tat-turiżmu mediku.
Tkellem ukoll dwar l-Air Malta u qal li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jindirizza l-isfidi. Stqarr li l-problemi mhux il-ħaddiema imma deċiżjonijiet ħżiena jew li qatt ma ttieħdu. Il-Ministru qal li se jkun dan il-Gvern li jsolvi dawn l-isfidi permezz ta’ diskussjonijiet mal-unjins konċernati.