Bħala parti minn sensiela ta’ żjarat li qed jagħmel il-Partit Laburista f’postijiet tax-xogħol, biex ifakkar f’Jum il-Ħaddiem, it-Tnejn filgħodu id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, żar il-lukanda rinomata f’pajjiżna, Excelsior.
Intqal kif dan is-settur ekonomiku importanti fl-aħħar snin kiber u laħaq rekords eċċezzjonali. Fil-fatt, madwar wieħed minn kull sitt ħaddiema f’pajjiżna jiddependu mit-turiżmu għall-għajxien tagħhom, jiġifieri madwar 50,000 persuna qed jibbenefikaw minnu.

Din il-lukanda fil-Furjana timpjega aktar minn 400 ħaddiem, il-maġġoranza tagħhom fuq bażi full-time, waqt li ilha toffri s-servizzi tagħha f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 18-il sena.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament qal li r-riżultati inkoraġġanti li Malta u Għawdex qed jiksbu fit-turiżmu. Spjega kif, waqt l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, li tradizzjonalment kienu meqjusin fost l-aktar kwieti fl-industrija, il-pajjiż irreġistra 18.3% aktar turisti mis-sena ta’ qabel, b’żieda ta’ 28% fin-nefqa tagħhom fostna.
Dr Borg qal kif dawn iċ-ċifri juru li l-pajjiż qed iwettaq il-viżjoni għal turiżmu ta’ kwalità.
“Il-ħaddiema li tant jikkontribwixxu għat-tkabbir u s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. Kien ta’ pjaċir li niltaqa’ ma’ għexieren ta’ ħaddiema Maltin u oħrajn barranin li qegħdin jikkontribwixxu fl-ekonomija ta’ pajjiżna biex iżommu dawn il-lukandi attrezzati bl-aħjar mod possibbli li jilqgħu rekord ta’ turisti sena wara l-oħra.”
Ian Borg, Deputat Prim Ministru
It-tmexxija tal-Lukanda Excelsior spjegat li qed tiffinalizza pjani biex dalwaqt tibda diversi proġetti kbar ħalli tkompli tgħolli l-kwalità u s-sostenibilità tas-servizzi t’ospitalità u akkomodazzjoni tagħha għas-snin li ġejjin.
Dan bis-saħħa tal-għajnuna li ngħataw mill-Gvern wara d-daqqa li ħa dan is-settur fil-pandemija tal-COVID-19.
“Kif bdejna, reġgħu bdew ġejjin it-turisti hawn Malta, imbagħad irkuprajna mill-ewwel. Jiġifieri mnalla kienet l-għajnuna li ħadna u issa kull sena mill-COVID lil hawn kull sena dejjem aħjar mill-oħra.”
Norbert Grixti, Direttur Maniġerjali
Dr Borg tenna li lill-ħaddiema għandna mhux biss napprezzawhom imma niċċelebrawhom ukoll. Dan fi sfond taċ-ċelebrazzjonijiet li se jkunu qed isiru fl-Ewwel ta’ Mejju, fil-festa ta’ Jum il-Ħaddiem.
“L-appell tiegħi għall-poplu Malti u Għawdxi, għall-ħaddiema kollha Maltin u barranin, biex jingħaqdu magħna l-Belt Valletta nhar il-Ħamis biex niċċelebraw flimkien id-dinjità li jagħtik ix-xogħol u s-suċċessi miksuba taħt il-Partit Laburista u kif inħarsu ’l quddiem għal dan is-settur ukoll.”
Ian Borg, Deputat Prim Ministru
Id-Deputat Mexxej Borg kien akkumpanjat mill-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u s-Segretarju Internazzjonali John Grech.