Is-sena li għaddiet kienu kważi tliet mija u disgħin elf dawk li jgħixu f’Malta u li għamlu btala f’pajjiżna stess.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ħabbar li din kienet żieda ta’ iżjed minn tmienja fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2020.
Fis-sena tal-pandemija, l-2020, it-total ta’ turiżmu domestiku kien ta’ iżjed minn tliet mija u sittin elf persuna. Din tfisser li f’sena kien hemm żieda ta’ iżjed minn disgħa u għoxrin elf persuna.
Skont dawn iċ-ċifri, il-Maltin jew dawk li jgħixu f’Malta u li vjaġġaw lejn Għawdex jew Kemmuna kien jgħoddu għal iżjed minn tliet mija u ħamsa u sittin persuna.
Dan ifisser kważi erbgħa u disgħin fil-mija tat-total ta’ turisti domestiċi s-sena li għaddiet.
Il-maġġoranza ta’ dan it-total ivvjaġġaw għal skop ta’ btala u l-maġġoranza qattgħu bejn ġurnata u tlett ijiem.
L-iljieli mqatta’ mit-turistiċi domestiċi kienu jgħoddu għal iżjed minn miljun u disgħin lejl, li tfisser żieda tnejn punt erbgħa fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
L-NSO qal li t-total tan-nefqa mit-turiżmu domestiku s-sena l-oħra kien ta’ aktar minn tmenin miljun ewro, li tfisser żieda ta’ aktar minn ħamsa u tletin fil-mija meta mqabbel mal-2020.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li l-medja tan-nefqa għal kull ras is-sena li għaddiet kienet ta’ madwar mitejn u sitt ewro. Din tfisser żieda ta’ wieħed u erbgħin ewro meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Ħareġ ukoll li, is-sena l-oħra, it-turisti domestiċi f’Għawdex u f’Kemmuna li qagħdu f’akkomodazzjoni turistika kienu kważi mitejn u tlettax-il elf persuna. In-nefqa f’Għawdex mit-turiżmu domestiku kienet iżjed minn sebgħa u sebgħin miljun ewro.
Dan filwaqt li minn dawk li joqogħdu fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna ġew iżjed minn erbgħa u għoxrin elf fil-gżira ta’ Malta. In-nefqa hawnhekk kienet ta’ kważi erba’ miljun ewro.
L-NSO qal ukoll li t-turisti li ġew f’Malta s-sena l-oħra żdiedu b’sebgħa u erbgħin fil-mija meta mqabbel mas-sena tal-pandemija. L-għadd tat-turisti li ġew f’pajjiżna kien disa’ mija u sebgħin elf.