Din is-sena, Malta se jkollha numru rekord ta’ turisti li żaru pajjiżna, aqwa mis-sena 2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija u l-aħħar sena rekord għas-settur turistiku.
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jindirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar it-Turiżmu organizzata mill-Malta Tourism Observatory.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna li dan l-irkupru fis-settur turistiku hu pożittiv.
Dr Abela nnota li ċifri mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, li ġew ippubblikati riċentament, it-turiżmu globali se jagħlaq is-sena b’90% tan-numri fis-sena 2019, waqt li t-turiżmu fl-Ewropa se jkun ta’ 94% tan-numri ta’ erba’ snin ilu – qabel il-pandemija.
Intqal li dan juri li ċ-ċifri turistiċi ta’ pajjiżna se jkunu aqwa mill-medja, bil-ħidma b’saħħitha li għamlet Malta f’dan is-settur.
“Sena li tiżboq ir-riżultati li kisbna fl-2019, li mhux biss hi s-sena ta’ qabel il-pandemija, imma kienet ukoll l-aqwa sena li kellna fis-settur tat-turiżmu. Il-prospetti għas-sena d-dieħla huma sbieħ immens u issa rridu nħarsu wkoll lejn l-isfidi l-ġodda f’dan is-settur. L-irkupru, kwistjoni li għalaqniha b’mod sodisfaċenti u issa nħarsu lejn is-sostenibilità tas-settur, li ma niffokawx biss fuq il-volum, imma li niffokaw fuq il-kwalità tat-turiżmu. Il-kwalità ġġibha billi wkoll toffri prodott li hu aħjar. Jiġifieri inutli nitkellmu fuq turist li hu aktar ta’ kwalità u ma noffrulux il-prodott li jattirah lejn pajjiżna. X’inhu l-prodott li jattirah? Huma l-karatteristiċi ambjentali tal-pajjiż, il-lukandi li noffru, ir-restoranti. Il-prodott ħolistiku li ġġib aktar lit-turist lejn pajjiżna. Jiġifieri sfidi ġodda hemm, naturalment, però nħarsuhom lejn b’entużjazmu, kif għelibna l-isfida tal-irkupru, negħlbu dawn l-isfidi l-ġodda.”
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna li Malta qabel kienet tiddependi fuq il-kompetituri tagħha biex tmexxi ’l quddiem dan is-settur, iżda llum pajjiżna qed jittratta t-turisti s-sena sħiħa. Dr Abela tenna li l-għan tal-Gvern hu li Malta tkun destinazzjoni ta’ attrazzjoni u ta’ kwalità mill-aqwa.
Il-Prim Ministru sostna li waħda mill-prinċipji tal-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu hi dik favur is-sostenibilità. Hawnhekk Dr Abela semma l-bżonn favur in-newtralità klimatika u li jkun hemm bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali u ambjentali.
Dr Abela sostna li dan ma jistax iseħħ biss mill-Gvern, iżda anke mill-privat u l-partijiet ikkonċernati. Semma l-eżempju tal-proġett tal-espansjoni mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li se jwassal biex it-turisti jkollhom esperjenza aktar ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru tenna li dan is-sapport hu vot ta’ kunfidenza lejn il-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna, kif ukoll imbassar li Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha s-sena d-dieħla.
F’din il-konferenza tkellem il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fejn tenna li, f’dan iż-żmien tajjeb għas-settur turistiku, għandna nippjanaw flimkien biex inkomplu nsaħħu l-industrija li tmantni lil eluf kbar ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru qal li t-turisti qed jiġu minn bosta pajjiżi differenti, hekk kif l-aqwa suq, dak Taljan jgħodd għal biss 20% tat-turisti li ġew f’pajjiżna.
This year's remarkable tourism success, a testament to the joint dedication of stakeholders and partners. Looking ahead to 2024 and beyond, sustainability remains the linchpin for a continuously enriched visitor experience. – RA pic.twitter.com/rLeAUFUZL4
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 6, 2023