It-turisti li waslu Malta f’Ġunju biss telgħu għal 280,522. Żieda ta’ 5.5% meta mqabbla mal-istess xahar is-sena li għaddiet li diġà kien wieħed rekord. Din iż-żieda kienet riflessa wkoll f’nefqa ferm iktar b’saħħitha b’żieda ta’ 10.7% f’dak li nefqu t-turisti li ġew Malta. Fil-fatt intefqu €235.4 miljun f’xahar wieħed biss.
Dan ifisser li fl-ewwel sitt xhur tas-sena diġà ġew Malta iktar minn miljun u mitejn elf turist. Żieda ta’ 3.9% fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dawn nefqu iktar minn €883 miljun ewro. Kull turist qed jonfoq medja ta’ €731 li hi somma iktar milli kien jonfoq bħala medja kull turist is-sena li għaddiet.