Analiżi minn dan l-istazzjon juri li kuntrarju għal dak li kien jiġri qabel l-2013, iż-żieda fit-turiżmu li laħqet sena eċċezzjonali s-sena li għaddiet qed tkun mifruxa matul is-sena kollha, anke fix-xhur tax-xitwa. Fil-fatt mhux talli l-lukandi baqgħu joperaw f’dan il-perjodu meta snin ilu kienu jagħlqu, talli kien hemm żieda wara l-oħra tul ix-xhur kollha inkluż dawk tax-xitwa fejn qabel ftit li xejn konna naraw turisti.
It-total ta’ turisti lejn Malta bejn Otturbu u Dicembru 2024 qabeż it-tmien mitt elf. Dan ifisser aktar minn darbtejn u nofs iżjed minn kemm konna rajna f’dawn l-istess tliet xhur “kwieti” fl-2012, meta waslu biss anqas minn tlett mitt elf turist.
Dak iż-żmien bosta lukandi anke dawk ewlenin kienu jew jgħalqu biex issir fuqhom manutenzjoni inkella kien hemm minnhom li jibdlu l-operat tagħhom u jintużaw bħala djar tal-anzjani.
Kuntrast simili joħroġ ukoll meta tqabbel in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna. Fl-2012, in-nefqa tat-turisti għall-btala tagħhom f’Malta kienet wieħed punt tliet biljun ewro. Is-sena li għaddiet kienet irreġistrata nefqa ta’ tlieta punt tliet biljun ewro.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, waqt Konferenza Nazzjonali meta kienu ppublikati l-figuri eċċezzjonali li kisbet Malta s-sena li għaddiet, qal li dawn ir-riżultati huma l-aqwa bażi sabiex dawk kollha involuti f’din l-industrija ikomplu jaħdmu flimkien mal-Gvern u l-poplu, biex nittrasformaw lil pajjiżna f’destinazzjoni turistika ta’ kwalità ferm ogħla u aktar sostenibbli għas-snin li ġejjin.