Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar it-turisti li żaru pajjiżna fl-ewwel xahar tas-sena, juru żieda ta’ 17.5% fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra.
Il-wasliet tat-turisti li f’Malta f’Jannar li għadda, laħħqu qabżu l-150,000 ruħ. Aktar minn 131,000 żaru lil Malta għal btala, filwaqt li kważi 14,000 oħra ġew Malta fuq xogħol.
It-turisti li ġew Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea żdiedu b’aktar minn 15% waqt li dawk li ġew minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea żdiedu b’aktar minn 23%.
Dawn iċ-ċifri pożittivi għal pajjiżna ġew irreġistrati f’xahar li matulu l-industrija tat-turiżmu madwar id-dinja ħadet daqqa ta’ ħarta minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Ir-Renju Unit u l-Italja baqgħu l-aktar swieq popolari, u ammontaw għal 36% tat-turisti kollha li ġew Malta f’Jannar.
Żdiedu wkoll l-amont ta’ ljieli li t-turisti li żaru pajjiżna, qattgħu f’Malta. Bejniethom għamlu aktar minn 944,000 lejl, u l-maġġoranza tagħhom qagħdu f’lukandi.
In-nefqa tat-turisti li ġew Malta f’Jannar hija stmata li qabżet l-€94 miljun. Żieda ta’ 11% meta mqabbel mal-ewwel xahar tal-2019.