Ikomplu jaslu aktar riżultati pożittivi fil-qasam turistiku anke fit-tielet kwart tas-sena. Ġiet irrappurtata żieda fil-volum ta’ turisti, fl-infieq u anke fin-numru ta’ ljieli mqatta’ f’pajjiżna.
Dan jikkonfermah id-Deloitte performance survey li kien ippreżentat dalgħodu f’konferenza dwar it-turiżmu f’pajjiżna. B’hekk din hija r-raba’ sena konsekuttiva li fiha kien irreġistrat tkabbir rekord ta’ turiżmu fl-aħħar erba’ snin.
Il-Ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis laqa’ b’sodisfazzjoni dawn ir-riżultati filwaqt li tenna l-viżjoni tiegħu li fl-2017 irid li jara aktar minn żewġ miljun turist f’pajjiżna. Il-Ministru tkellem dwar kif il-ħidma tal-Gvern u l-inizjattivi mħabbra, fosthom ir-roħs fil-kontijiet, wasslu għal iktar kompettitivitá u profittabilitá fis-settur turistiku.