L-inċentivi tal-Gvern b’investiment ta’ seba’ mija u ħamsin elf ewro sabiex in-nies jerġgħu jibdew deħlin il-Belt, intlaqgħu b’mod pożittiv mis-sidien tar-ristoranti u tal-akkomodazzjoni li hemm fil-Kapitali.
Il-kulanna ta’ inċentivi li se jkunu mifruxa fuq it-tliet xhur tas-sajf mistenija jerġgħu jagħtu spinta lill-ekonomija tal-Belt Valletta.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon iċ-Chairman tal-Boutique Hotels tal-Belt Andrei Imbroll, u li hemm imsieħba fiha ħamsin post t’akkomodazzjoni u disa’ ristoranti fil-Belt, faħħar dawn l-inċentivi pożittivi li se jerġgħu jagħtu ħajja lill-kapitali Maltija.
“Konna kuntenti ħafna bil-miżuri li kien hawn għax żġur ser jagħti inċentiv lill-Maltin biex jidħlu l-Belt…il-Belt li hija għażiża għall-Maltin dawk is-snin kollha ta’ xogħol li saru biex wasalna s’hawnekk ma jintilfux u nibqgħu sejrin bis-saħħa ‘l quddiem.”
U hekk kif ftit aktar minn ġimgħa oħra se jerġa’ jinfetaħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Imbroll qalilna li diġà bdew jirċievu diversi talbiet minn turisti biex jibbukjaw appartament. Saħaq li l-inċentivi tal-Gvern għall-Belt se jkomplu jgħinuhom isaħħu l-preżenza tat-turisti fil-Kapitali.
“Minn wara l-V18 il-Belt dejjem baqgħet b’saħħitha u malli tħabbru li se jinfetħu l-airports mal-ewwel bdejna nirċievu l-bookings iġifieri t-turist ħa jiġi u ħa jiġi bis-saħħa u dawn l-aħħar inċentivi li tħabbru bħal ferry u CVA se jgħinu ħafna.”
Ftit tal-jiem ilu il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg żvela ma’ dan l-istazzjon li fl-ewwel ta’ Lulju mistennija jaslu Malta mat-tliet elef turist minn ħmistax-il pajjiż differenti.
Intant, Imbroll qalilna li minn xi ħaġa negattiva ħareġ il-pożittiv, hekk kif fi żmien il-pandemija setgħu jaħsbu aktar u ddeċidew li jbiddlu ristorant li se jfakkar teatru qadim fi Strada Stretta.
“Naħseb li kieku ma kienx għalll-COVID-19 kieku ma kienx ħa jkollna ċ-ċans li naħsbu x’jista’ jsir. Poġġejna, ħsibna rajn fejn nistgħu nbiddlu, l-isem is-Silver Horse li kien qisu qed jintilef iddeċidejna li nerġgħu nqajmuh u konvint li se jkollna suċċess.”
Andrei Imbroll temm jgħid li minn ġimgħa għal ġimgħa l-preżenza tal-Maltin f’ristoranti u stabbilimenti fil-Belt qed tkompli tiżdied u dan grazzi għall-ħidma tal-Gvern sabiex l-ekonomija Maltija terġa’ tirpilja wara l-imxija.