F’Ottubru li għadda, l-għadd sħiħ tat-turisti li żaru pajjiżna kien stmat li jlaħħaq it-313,705, li hu żieda taʼ 31.1% meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel.
Dan ir-riżultat sinifikanti, li joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jispikka wkoll meta jitqabbel mal-eqqel tas-sajf is-sena li għaddiet, tant li ċ-ċifra f’Ottubru kważi laħqet dik ta’ Awwissu 2022 meta kienu ġew biss 276 turist iżjed.
Fl-ewwel għaxar xhur tal-2023, li qed tkompli tirriżulta l-aħjar sena fl-istorja turistika ta’ pajjiżna, it-turisti li waslu ammontaw għal żewġ miljuni, ħames mija u disgħa u disgħin elf, mija u ħamsa u ħamsin (2,599,155), li huma żieda taʼ 31.6 fil-mija fuq l-istess żmien fl-2022.
L-infiq sħiħ mit-turisti f’dan il-perjodu kien stmat li laħaq it-tnejn punt erba’ biljun ewro (€2.4 biljun), żieda ta’ aktar minn €600 miljun jew 34.5 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-2022.
Anke l-infiq sħiħ ras għal ras mit-turisti żdied minn €894 fl-2022 għal €914 din is-sena.
Skont l-istatistika tal-NSO, f’Ottubru li għadda aktar minn 90 fil-mija, jew 283,595, ta’ dawk li ġew fostna, għamlu dan għal btala, waqt li l-bqija, 20,375, ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol.
Meta mqabbel ma’ Ottubru tal-2022, l-għadd tal-iljieli li għamlu fostna t-turisti telaʼ bi 30.7 fil-mija u qabeż iż-żewġ miljun lejl. Iżjed minn 85 fil-mija kienu fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva u oħrajn li jinkrew. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.6 iljieli.
FʼOttubru 2023, in-nefqa sħiħa tat-turisti għaddiet it-€300.8 miljun, li hi żieda taʼ 39.0 fil-mija fuq l-istess xahar taʼ sena qabel, waqt li l-infiq medju kull lejl kien stmat għal €145.90ċ.