It-turġien li jilqgħu l-viżitaturi tal-Belt ssemmew għal żewġ qaddisin li għandhom rabta kbira mal-Belt innifisha.
Taraġ minnhom issemma’ għal San Ġorġ Preca, li twieled il-Belt u ġie deskritt mis-Segretarju Ġenerali tal-għaqda tal-Mużew Rueben Pace, bħala wild li għamel ġieh lill-Belt.
Is-Sur Pace qal li x-xewqa tiegħu hi li turisti jistaqsu min hu dan il-qaddis u sostna li kull tarġa tissimbolizza l-mixja lejn il-quċċata tal-ħajja Nisranija.
It-taraġ l-ieħor issemma’ għall-Papa Piju V li kien katalista kbir għall-bini tal-belt tant li f’ittri lill-Gran Mastru Jean de La Vallette kien jitlob biex jikkonvinċi lill-kavallieri sabiex jibqgħu Malta u ħeġġu biex jibda bil-bini tal-belt il-ġdida. Papa Piju bagħat somma kif ukoll lill-arkitett Francesco Laparelli sabiex jaħdem id f’id mal-Gran Mastru.
Bħala Sindku tal-Belt Kapitali, Alexiei Dingli, fisser l-avveniment bħala wieħed importanti u sostna li ż-żewġ qaddisin għandhom relazzjoni intima ħafna mal-Belt Valletta.