Awtoritajiet Tuneżini ċaħħdu d-dħul lil delegazzjoni ta’ ħames membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew, li ntbagħtet fuq missjoni uffiċjali fil-pajjiż.
F’ittra diretta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Tuneżin iddikjara li d-delegazzjoni tal-Parlament “mhijiex awtorizzata li tidħol fit-territorju nazzjonali.”
Din id-deċiżjoni ġabet kritika qawwija mill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament, li talab “spjegazzjoni dettaljata”.
Il-missjoni tad-delegazzjoni kellha l-għan li tevalwa l-politika interna Tuneżina, wara li missjoni tal-kumitat aktar kmieni din is-sena, kixfet “rigress politiku fuq standards demokratiċi u drittijiet tal-bniedem”.
Minbarra hekk, id-delegazzjoni ppjanat li tevalwa l-ftehim kontroversjali dwar il-migrazzjoni li sar riċentement bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija. Madankollu, il-laqgħat ma’ uffiċjali tal-Gvern Tuneżin baqgħu biss ħolma.