Fl-ajruport internazzjonali ta’ Kabul fl-Afganistan issa jidher li bdiet tirrenja ftit ordni wara li truppi Amerikani ħadu l-kontroll tal-ajruport ta’ Hamid Karzai.
Il-forzi Amerikani għamlu dan biex jikkontrollaw l-evakwazzjonijiet ta’ ċittadini Amerikani mill-pajjiż.
Fl-ajruport dehru filmati ta’ xeni kaotiċi ta’ nies jippruvaw jaħarbu mill-Afganistan wara li l-militanti Talibani ħadu l-kontroll tal-pajjiż u daħlu f’Kabul.
Fl-ajruport tal-kapitali Afgana kien hemm ukoll xi mwiet.
Is-suldati Amerikani qalu li sparaw tiri ta’ twissija fl-ajru biex jikkontrollaw il-folol tan-nies li b’mod iddisprat spiċċaw jiġru fuq ir-runway tal-ajruport biex jitilgħu fuq l-ajruplani.
Intant fil-qalba tal-belt ta’ Kabul, bosta ħwienet jinsabu magħluqa u n-nies mhux joħorġu barra, sforz il-biża’ li l-wasla tat-Talibani tista’ toħloq.
Dehru wkoll xi bniet sejrin l-iskola għalkemm mhux magħruf kemm dan se jkun possibbli taħt il-ħakma tat-Talibani li diġà qalu li se jinfurzaw stat Iżlamiku mingħajr indħil barrani.
It-Talibani qalu li jridu jinfurzaw il-liġi tax-Sharia.
Iċ-Ċina u r-Russja qalu li lesti jżommu preżenza diplomatika fl-Afganistan u jirrispettaw l-awtoritajiet mingħajr indħil barrani.
Lejn l-aħħar ta’ Lulju, il-mexxej tat-Taliban Mullah Abdul Ghani Baradar iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż Wang Yi.