Tnediet ante-prima tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, b’ġabra ta’ proġetti u avvenimenti artistiċi u kulturali li hemm ippjanati għas-sena d-dieħla. Il-pubblikazzjoni fiha togħma tal-proġetti u avvenimenti b’anteċipazzjoni għal dak li se jiġri. Is-sena tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura tibda fl-għoxrin ta’ Jannar elfejn u tmintax b’ċerimonja uffiċjali.
Mario Philip Azzopardi, d-direttur artistiku tal-avvenimenti speċjali fisser kif bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ se jkun hemm spettakli dinamiċi varji f’erba’ spazji miftuħa tal-Belt Valletta.
Dawn huma l-Funtana tat-Tritoni, il-Pjazza ta’ Kastilja, il-Pjazza ta’ San Ġwann u l-Pjazza ta’ San Ġorġ.
Huwa qal li se jkun hemm numru ta’ attrazzjonijiet fosthom il-parteċipazzjoni tal-kumpanija internazzjonali tal-akrobazija La Fura Dels Baus, eżekuzzjonijiet miż-żeffiena ta’ ŻfinMalta u projezzjonijiet diġitali madwar il-belt kollha. Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018, Jason Micallef qal li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura se jieħdu xeħta ta’ festa mal-gżira kollha.
Il-Ministru għal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr illi l-2018 ser isservi ta’ opportunità mill-isbaħ għal Malta sabiex permezz tal-Belt Kapitali Ewropeja dedikata lill-Kultura, Malta tkompli tesponi l-avvanzi kbar li saru fil-qasam kulturali u l-protezzjoni tal-wirt storiku nazzjonali.
Matul dawn l-aħħar snin il-Gvern Malti ħadem fuq diversi proġetti, fosthom ir-riġenerazzjoni tas-Suq l-Antik, il-MUŻA, id-Design Cluster,il-Carnival Experience, l-Arkivji Notarili u l-Arkivji tal-PBS, dan kollhu bil-ghan li jinħoloq legat li jitgawda matul is-snin li gejjin.
“Il-Belt Valletta bħala Belt Kapitali Ewropea 2018 mhix it-tragward imma hija fażi oħra fis-settur tal-arti u l-kultura. Il-proġett Valletta 2018 huwa filfatt proġett bil-għan li jippreserva l-wirt partimonju kulturali u joħloq legat li jitgawda mhux biss mill-Maltin u l-Għawdxin imma ukoll mit-turist li jżur pajjiżna sabiex inkomplu nkattru il-wirt kulturali taghni li jirrifletti l-identita taghna bhala Maltin, Mediterranji u Ewropej.”
Il-Ministru għalaq billi irringrazzja lil kull minn qiegħed jaħdem sabiex din l-esperjenza tkun suċċess u qal li f’Jannar se jibda vjaġġ li se jħalli wirt kulturali għal-pajjiżna.