Wara 58 sena jħarsu d-daħla tal-belt kapitali ta’ pajjiżna, it-Tritoni bdew vjaġġ ta’ 1,300 kilometru li għandu jwassalhom sa Firenze, l-Italja, biex isirilhom intervent estensiv ta’ restawr. Nhar il-Ħamis li għadda t-Tritoni u l-plattin ta’ fuqhom, li b’kollox jiżnu mal-erbatax-il tunellata, ġew stivati fuq żewġ trailers biex jirkbu l-vapur Eurocargo Venezia li se jwassalhom sal-port ta’ Livorno.
Wara jkomplu l-vjaġġ tagħhom fuq l-art biex nhar l-Erbgħa 15 ta’ Frar jaslu fil-Fonderia Artistica Ferdinando Marinelli, u x-xogħol ta’ restawr se jibda mill-ewwel hekk kif jaslu fil-post. L-ewwel irid jitnaddaf il-konkos li kien intefa’ fil-figuri tal-bronż biex jiġu ankrati mal-bini tal-funtana, imbagħad jibda xogħol ta’ restawr fuq ix-xquq u l-qsim li hemm fil-bronż. Il-partijiet tal-bronż jitnaddfu minn ġewwa u minn barra qabel ma jiġu mgħaqqda flimkien.
Fin-nofs ta’ kull figura tal-bronż se jinbena qafas tal-azzar li jibda mill-bażi u jibqa’ tiela’ sa driegħ il-figura biex jieħu l-piż tal-plattin u biex jiġu evitati ħsarat fl-ispallejn tal-figuri kif kien seħħ fil-passat. Wara jkun għad jonqos l-aħħar fażi fejn il-bronż jingħata patina u kisja ta’ xema’ mikrokristallina, li hija kisja protettiva biex tissiġilla l-pori tal-bronż.
Dan ikun l-aħħar xogħol fil-funderija qabel it-Tritoni jerġgħu lura Malta.