Huwa ppjanat li x-xogħol li qed isir fi Triq tas-Sejba, li minnha wieħed jidħol u joħroġ mill-Imqabba, jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin u t-triq tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid qabel is-sajf.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, fi tweġiba għal interpellanza parlamentari mid-deputat tal-Gvern, Omar Farrugia.
Il-Ministru qal li l-Infrastructure Malta taf bl-importanza ta’ din ir-rotta għal diversi residenti u industriji, li jinsabu f’dawk l-akwati. Għaldaqstant, fl-intervent tagħha għażlet li tmur b’mod immedjat għal soluzzjoni permanenti.
Minkejja li intervent ta’ dan it-tip jieħu x-xhur biex isir, se jservi fit-tul. L-istruttura proposta biex iżżomm it-triq għaddejja b’ritmu tajjeb skont kif ippjanat u l-kolonni fil-pedamenti tat-triq kważi tlestew kollha. Simultanjament, bdew xogħlijiet ta’ preparazzjoni biex jinbeda ix-xogħol ta’ wiċċ it-triq.