Il-Ministru responsabbli mill-infrastruttura Ian Borg żar il-proġett lest tat-triq tal-Balal b’erba’ kilometri iżjed ta’ karreġġjati.
Għal dan il-proġett sar investiment t’aktar minn erba’ miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-aktar ħin bieżel tal-ġurnata, Dr Borg saħaq li dan il-proġett kien importanti f’post strateġiku minn fejn jgħaddu mal-elfejn u mitt karozza fis-siegħa.
Bit-traffiku iżjed mexxej fl-isfond tiegħu, il-Ministru Borg spjega kif twessgħu żewġ karreġġjati, saret oħra għaċ-ċiklisti iżda mhux biss.
Dr Borg stqarr, “Il-flow huwa wieħed issa mexxej ħafna għaliex kienu indirizzati dawk il-bottom necks u ħloqna spazju għall-mezzi alternattivi, għal min jixtieq isuq ir-rota. Ħloqna bankina li qatt ma kien hawn, jiġifieri n-nies jistgħu jimxu bejn lokalità u oħra. Għandek in-Naxxar, il-Għargħur u San Ġwann, kif ukoll Birkirkara u spazju aħjar għat-trasport pubbliku li huwa l-aqwa mezz sabiex nikkumbattu l-konġestjoni tat-traffiku.”
“In-nies ġejjin mit-Tramuntana għall-postijiet bħall-Isptar Mater Dei u l-Università mhux mistennija jeħlu fit-traffiku bħalma kienu qabel”, spjega l-Ministru Ian Borg.
Intqal ukoll li żdiedet is-sigurtà fit-Triq tal-Balal billi ddawlet iżjed u hemm crash barriers bejn il-korsiji opposti.
F’dan il-proġett ġew mgħoddija aktar minn ħames kilometri ta’ servizzi tal-ilma u l-elettriku fost l-oħrajn.
Il-Ministru Borg irrefera għal studju tal-ekonomista Gordon Cordina li semma kif il-proġett tal-Balal se jiswa mitqlu deheb għall-pajjiż għax ma’ kull ewro li jintefaq fuq dan il-proġett, il-pajjiż se jieħu lura mas-seba’ ewro.
Intant il-Ministru Borg tkellem dwar proġetti oħra massiċi li qed isiru madwar il-pajjiż.
“Triq Buqana u t-Triq ta’ Ħal Luqa jinsabu fil-fażi konklussiva tagħhom”, qal Dr Borg.
Il-Ministru Borg irringrazzja lill-aġenzija Infrastruttura Malta li ilha biss imwaqqfa seba’ xhur u diġà wettqet xogħol fejjiedi b’rabta mal-iżvilupp sostennibli tal-infrastruttura ta’ pajjiżna.