Beda x-xogħol fit-Triq Buqana, triq ewlenija taħt l-Imdina li tagħti għall-Imġarr u l-Mosta, sabiex minn korsija waħda titwessa’ għal żewġ korsiji, mill-Imtarfa sar-Roundabout tal-Imġarr.
Il-proġett b’investiment ta’ €3.6 miljun, għandu l-għan li jnaqqis il-ħin tas-sewwieqa li jivvjaġġaw minn din it-triq b’36%. Fil-fatt, ta’ kull filgħodu s-sewwieqa jħabbtu wiċċhom ma’ konġestjoni kbira ta’ traffiku, bir-residenti li jgħixu fl-Imtarfa, ir-Rabat jew l-Imdina jagħmlu kwarta mwaħħlin fit-traffiku li jingema’ f’din it-triq.Iż-żewġ roundabouts, dik tal-Imtarfa u l-oħra tal-Imġarr, se jittejbu anki billi jiżdiedu l-korsiji u l-faċilitajiet aħjar għaċ-ċiklisti.
Il-Perit tal-Proġett Kylie Ann Borg Marks qalet li se jsiru wkoll żoni pedonali u karreġġjati għaċ-ċiklisti. Filwaqt li se jinbidel il-pont ta’ Chadwick Lakes:
“Fuq Chadwick Lakes hemm pont li se jitwaqqa’, u se jinbnew mill-ġdid l-istrutturi sabiex jifilħu għal karozzi”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi qal li s-siġar li hemm f’din it-triq se jerġgħu jinżergħu fit-triq u hemm oħrajn li se jinżergħu f’post ieħor. Għalkemm hemm erba’ siġar kbar li huma mejta.
Fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għat-trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li l-Gvern għal darb’oħra reġa’ sema’ l-karba tar-residenti tal-Imtarfa, l-Imdina u r-Rabat li ma setgħux jibqgħu ta’ kull filgħodu jeħlu fit-traffiku f’din l-arterja ewlenija.
Saħaq li l-gvern huwa kontra l-politika ta’ karreġġjata waħda, u għalhekk, qed isir twessigħ ta’ numru ta’ toroq fil-pajjiż.
“Hija t-triq ġiet iddisinjata ħazin għax għamluha single lane. Ikun hawn konġestjoni tat-traffiku u nuqqas tas-sigurtà. Qegħdin nippruvaw nieħdu l-inqas art possibli u nippruvaw li sas-sajf, it-triq tkun lesta”.
Ix-xogħlijiet f’din it-triq mistennija jdumu għaddejjin mat-30 ġimgħa.