L-2023 kienet sena pożittiva ferm għall-qasam sportiv f’pajjiżna, waqt li l-prospettivi għas-sena l-ġdida wkoll jidhru pożittivi ħafna. Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju ta’ Sport Malta, tħabbar li, fost l-oħrajn, se tiġi organizzata konferenza internazzjonali bit-tema Celebrating Sports, bejn it-12 u t-13 ta’ Jannar, bis-sehem ta’ diversi kelliema minn madwar id-dinja.
Din il-konferenza se tkun immirata lejn l-għalliema u l-coaches, ġenituri b’karrieri fl-isport u għaqdiet u assoċjazzjonijiet irreġistrati ma’ Sport Malta.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjegalna l-viżjoni u l-avvenimenti ewlenin. Hu qal li, minkejja s-suċċess li nkiseb fl-2023, fosthom fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, il-prospetti għas-sena li ġejja huma ferm pożittivi.
“Fost l-avvenimenti sportivi li jkollok, allura, il-kollaborazzjoni mal-iskejjel u anke mal-assoċjazzjonijiet, kif ukoll konferenza li fiha għandna kelliema li ġejjin minn madwar id-dinja biex jagħtu proprju l-kontribut tagħhom. Hemm l-għarfien li l-isport, hu importanti, għax fl-aħħar snin elevajna l-isport dejjem aktar ’il fuq, dik li hi l-aġenda nazzjonali ta’ pajjżna.”
Clifton Grima – Ministru
Żied jispjega li, matul is-sena li ġejja, se jingħataw ukoll diversi rikonoxximenti.
Sar aċċenn ukoll għas-suċċess li nkiseb fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, fejn pajjiżna ngħaqad ma’ pajjiżi differenti biex twassal messaġġ pożittiv dwar ħajja sana.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, tkellem aktar fid-dettall dwar uħud minn dawn l-avvenimenti.
“Se jkollha kelliema lokali u internazzjonali, fosthom mental health advocate mill-Irlanda, id-ditta famuża Gell, id-ditta arkitettonika li se titkellem fuq l-ispazji miftuħa, ħa jkollna wkoll rappreżentanza mill-UEFA, u kif ukoll mill-World Rugby.”
Mark Cutajar – Kap Eżekuttiv Sport Malta
Iċ-Chairperson ta’ Sport Malta, Omar Farrugia, li għadu kemm inħatar fil-kariga, spjega wħud mill-benefiċċji tal-isport u li wieħed iżomm ruħu attiv, fosthom id-dixxiplina, il-kapaċità li taħdem f’tim, ir-reżiljenza, l-impenn, id-dinjità u anke r-rispett.