“Jien ċert li t-trend ġewwa Għawdex se tibidel. Se jkollna numri kbir bla preċedent ta’ ħaddiema Maltin li jiġu jaħdmu ġewwa Għawdex” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat meta indirizza l-Kungress Reġjonali tal-Partit Laburista bit-tema “Għawdex: Mutur Ekonomiku”.
“Fuq il-mina” qal Joseph Muscat “se naslu”. Se jkun dan il-Gvern li jagħti imbuttatura biex din issir, iżda . sadinttant qed jimbotta biex jidħol is-servizz ta’ fast ferry.
Tkellem dwar l-isptar t’Għawdex, fejn bdew it-testijiet fuq il-pedamenti. “Ħa nirriversjaw trend” qal il-Prim Ministru, fejn Għawdex mhux se jibqa’ post fejn is-servizzi li jingħataw ikunu ta’ livell inqas. Tkellem dwar “żewġ ideat kbar li ħa jibdlu wiċċ Għawdex”.
L-iskola medika se ġġib lejn Għawdex mijiet ta’ studenti li jgħixu Għawdex stess u joħolqu suq ġdid għal propjetà, servizzi, trasport, fl-iktar xhur li Għawdex għandu bżonnhom.
Permezz tat-turiżmu mediku se jinġiebu barranin li jieħdu l-kura tgaħhom f’Għawdex. L-Università ta’ Harvard ħa tagħti l-pariri u tmexxi l-affarijiet fuq dan l-isptar, bil-għan hu li nġibu ċertifikazzjoni rikonoxxuta mill-awtoritajiet Amerikani.
Il-Prim Minsitru ma tkellimx biss dwar Għawdex. Tema li emfasizza kienet il-paga minima nazzjonali. Qal li l-istess Partit li kien imbotta ‘il quddiem l-introduzzjoni tal-paga minima Nazzjonali f’pajjiżna, se jkun qed jimbotta ‘il quddiem huwa wkoll diskussjoni, dibattitu Nazzjonali fuq il-paga minima mat-trade unions u ma min iħaddem. “Dan illum nistgħu nagħmluh għax għall-ewwel darba wara 36 sena, pajjiżna għandu inqas minn 4,000 ruħ qegħdha” kompla l-Prim Ministru.
Il-ġid irid jinħoloq, imma jrid jitqassam. Jeħtieġ ikun hemm regoli fis-suq, u għalhekk twaqqaf l-uffiċju tal-arbitru finanzjarju, li għalih jirrikorru dawk li jħossu li saritilhom inġustizzja.
Nhar it-Tlieta fil-Kabinett, il-Caritas se jippreżentaw ir-rapport tagħhom dwar il-faqar, sabiex tkun spjegata s-sitwazzjoni fil-pajjiż fejn jidħol il-faqar. Spjega li l-inwork benefit, it-tapering ta’ benefiċċji lkoll qed jippermettu li n-nies joħorġu jaħmdu, u x-xogħol hija l-aqwa politika kontra l-faqar. Hemm ukoll dawk li ma jistgħux joħorġu jaħdmu, per eżempju minħabba xi forma ta’ diżabilità.
“Din hija l-isfida kbira li jmiss għal dan il-Gvern” qal il-Prim Ministru, biex min ma jistax jaħdem, jingħata biżżejjed biex jgħix ħajja dinjituża. Il-benefiċċju ta’ min ma jistax jaħdem għandu jgħola biex ikun mill-inqas daqs il-minimum wage.