Wara l-inċident li seħħ f’dar f’Ħal Qormi, f’Diċembru li għadda, l-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi għamlet l-ispezzjonijiet tagħha u ħarġet il-konkluzzjonijiet.
F’din l-istqarrija ffirmata mill-President Michael Cutajar intqal li l-kamra fejn seħħ l-inċident hi pjuttost żgħira u hi msaqfa bi travi tal-injam, xorok u kontrabejt tad-deffun.
Ġie spjegat li wieħed mit-travi tal-injam f’din il-kamra kien mherri u għalhhkk dan wassal biex jinqasam mis-sapport tiegħu viċin il-ħajt.
Fil-fatt, parti minn ras it-travu, li hu s-sapport, baqgħet fil-bejta tat-travu. Infatti meta ċeda t-travu, niżlu x-xorok li kien qed iserrħu fuqu. Id-deffun ta’ fuq ix-xorok ma sfrundax u baqa’ fil-post.
F’din l-istqarrija ntqal li dan juri biċ-ċar li t-travu ċeda peress li kien mherri u mhux b’xi xogħol jew vibrazzjoni li seta’ sar fl-iżvilupp fis-sit tal-bennej inkwistjoni.
L-assoċjazzjoni qalet li kopja ta’ dawn il-konkluzzjonijiet ingħataw lill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Dwar dan il-każ għaddejja wkoll investigazzjoni mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.