L-organizzazzjoni internazzjonali Greenpeace ikklassifikat lil Malta fit-tieni post minn fost 30 pajjiż Ewropew għall-aħjar sistemi ta’ trasport pubbliku. Wieħed mill-fatturi ewlenin hu li dan hu b’xejn għall-poplu kollu, iżda minbarra hekk tqisu fatturi oħrajn.
Fl-ewwel post ikklassifika s-servizz pubbliku tal-Lussemburgu, li hu wkoll bla ħlas, waqt li warajna ġew l-Awstrija, il-Ġermanja, Ċipru u Spanja. Il-Bulgarija spiċċat fil-qiegħ.
Kien proprju Gvern Laburista li, minn Ottubru li għadda, għamel it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, kif imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Preċedentement l-istess trattament kien beda jingħata lill-istudenti minn 18-il sena ’l fuq u lill-anzjani minn 75 sena u mbagħad minn 70 sena ’l fuq lura mill-Baġits tal-2018 ’il hawn.
Sussegwentement minn Ottubru li għadda Malta saret it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li offriet trasport pubbliku bla ħlas, fejn persuna, li tuża tal-linja kuljum, bdiet tiffranka mill-inqas €390 fis-sena.
Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, il-Malta Public Transport ħabbret li kienet ġarret 4.5 miljun passiġġier, żieda ta’ 59% fuq Jannar tal-2022 u 17% meta mqabbel ma’ Jannar tal-2019.
Persuna f’pajjiżna trid tkun irreġistrata mal-Malta Public Transport u jkollha t-Tallinja Card biex tibbenefika mis-servizz b’xejn.
Minbarra hekk, f’pajjiżna fl-aħħar snin bdiet ukoll il-qalba elettrifikata tal-vetturi tat-trasport pubbliku, minflok dawn jibqgħu jaħdmu bi fuel konvenzjonali.
Sadanittant l-isħarriġ ta’ Greenpeace sab li f’diversi pajjiżi Ewropej il-prezz tat-trasport pubbliku għadu wisq għoli. L-aktar bliet bi trasport għoli huma Pariġi, Londra, Amsterdam u Dublin.
Minkejja l-isforzi kbar li qed isiru, ir-rapport jirrimarka li s-sistemi, inkluż dik fil-Lussemburgu, għadhom ma waslux għall-qalba sostanzjali fejn is-servizz pubbliku jibda jintuża minn iżjed persuni, li minflok għadhom jirrikorru għall-vetturi personali tagħhom.
L-organizzazzjoni internazzjonali, li taħdem favur dinja aħjar u titjib fl-għajxien fil-ħajja tal-popli kollha, appellat lill-pajjiżi fejn it-trasport pubbliku bi ħlas biex joffru biljetti bi prezz affordabbli ħalli b’hekk iħajru aktar nies jużaw is-servizzi u jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom lejn l-ambjent.