B’somma ta’ 6 elef fis-sena it-Transport Malta ser tkopri kwart tal-ispejjeż tat-trasport għat-tfal tal-Fondazzjoni Karl Vella.
Dawn it-tfal li jattendu f’din il-Fondazzjoni li nfetħet 4 snin ilu jkunu għaddejin minn xi problemi ta’ mard fil-familja, u għalhekk il-Fondazzjoni Karl Vella, kuljum, tieħu ħsieb li tieħu u tiġbor lil dawn it-tfal mil-iskejjel minn madwar Malta kollha.
Voluntiera f’din il-Fondazzjoni jgħinu wkoll lit-tfal fix-xogħol tal-iskola u jorganizzaw diversi attivitajiet sabiex iżommu lit-tfal attivi anke f’mumenti ta’ problemi ta’ mard fil-familja.
Il-Ministru Ian Borg, f’konferenza tal-aħbarijiet, appella lill-pubbliku sabiex minn jista’, jagħmel għajnuniet finanzjarji lil din il-Fondazzjoni minħabba li l-isfidi huma ferm kbar.
Claire Chircop, rapreżentata tal-Fondazzjoni Karl Vella qalet kif din il-Fondazzjoni tħabbat wiċċha ma diversi sfidi, speċjalment finanzjarji, u bis-saħħa ta’ inizjattivi bħal dawn ikunu jistgħu jħallu lil din il-Fondazzjoni miexja l-quddiem.
Fi tmiem il-Konferenza iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugrja, ippreżenta l-fondi għat-trasport lil din il-Fondazzjoni.