Il-grupp internazzjonali favur it-trasparenza u kontra l-korruzzjoni, it-Transparency International EU, reġa’ ħass il-bżonn li jsemma leħnu fil-pubbliku wara nuqqas ieħor min-naħa tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.
Il-grupp kien diġà tkellem iebes dwar il-każijiet kontroversjali tat-tpoġġija taċ-Chief of Staff ta’ Metsola bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament permezz ta’ ftehim sigriet, tat-tentattiv biex tpoġġi li ħatinha bħala ċ-Chief of Staff il-ġdid tagħha, u tal-intenzjoni li jintefqu l-miljuni fuq binja ġdida fi Strasburgu li l-opinjoni ġenerali taqbel li l-PE m’għandux bżonnha.
Issa, it-Transparency International EU ħass il-bżonn li ma jibqax sieket wara dikjarazzjoni li għamlet Metsola f’reġistru pubbliku uffiċjali tad-deputati tal-PE dwar 142 rigal li rċeviet, fosthom xampanja, ċikkulata, u deheb – dikjarazzjoni li, skont il-gazzetta influwenti Politico, kixfet kemm ir-regoli tal-PE dwar it-trasparenza huma limitati.
Il-Politico rrimarka li, rigward il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-rigali, Metsola għamlet din id-dikjarazzjoni wara li għalaq iż-żmien mogħti lid-deputati Ewropej biex jagħmlu dan. Il-ġurnal ikkwota lill-Uffiċċju ta’ Metsola jargumenta li d-data tal-għeluq li tapplika għad-deputati Ewropej l-oħrajn ma tapplikax għaliha għax hija l-President. Madanakollu, tosserva l-gazzetta, it-tim ta’ Metsola ma kienx f’pożizzjoni li jgħid fejn hi miktuba din l-eżenzjoni.
“Dan juri li s-sistema mhix taħdem,” wissa d-direttur tat-Transparency International UE, Michiel van Hulten. “Ma tistax tħaddem sistema ta’ etika fuq il-bażi ta’ regoli mhux miktubin.”
Il-Politico kkummenta li l-istorja tad-dikjarazzjoni tal-għadd kbir ta’ rigali li qalgħet Metsola kemm ilha President tal-PE ħarġet fi żmien sensittiv ħafna għall-PE, li qala’ daqqa kbira fil-kredibbiltà tiegħu wara li faqqa’ l-iskandlu msejjaħ Qatargate, bil-pulizija Belġjana tinvestiga allegazzjonijiet li esponenti ewlenin tal-PE kienu involuti f’korruzzjoni u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.