Id-Direttur tal-grupp Transparency International EU, Michiel van Hulten, iddeskriva l-manuvri li qed isiru biex iċ-Chief of Staff tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola jiġi installat bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bħala turija sfaċċata ta’ korruzzjoni instituzzjonali li se twassal biss biex tkompli tiġi imminata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew.
It-Transparency International EU hija parti minn moviment globali kontra l-korruzzjoni.
Michiel van Hulten wissa li l-attitudni tal-Parlament Ewropew fejn jidħlu t-trasparenza u l-integrità tindika li hemm sitwazzjoni ta’ riga li tgħodd għal uħud u riga oħra li tgħodd għal oħrajn.
Huwa rrefera għal rapporti fil-midja Ewropej, li żvelaw li l-Bureau li jmexxi l-Parlament Ewropew approva bla ħafna kliem ftehim sigriet biex iċ-Chief of Staff ta’ Metsola, Alessandro Chiocchetti, jitpoġġa fl-aktar kariga li għandha saħħa amministrattiva fil-Parlament: dik ta’ Segretarju Ġenerali.
Bi tpattija għal dan, il-ftehim sigriet jippremja lil gruppi politiċi li ngħaqdu mal-Partit Popolari Ewropew biex iwittu t-triq għall-ħatra taċ-Chief of Staff ta’ Metsola.
Huma se jiġu ppremjati b’karigi għoljin permezz tal-ħolqien ta’ direttorat ġenerali ġdid fil-Parlament Ewropew; direttorat li mhux magħruf x’inhi l-utilità tiegħu.
Id-Direttur tal-grupp Transparency International EU fakkar li, kuntrarju għall-appelli li għamel il-Parlament Ewropew stess għal aktar trasparenza, ftit ilu l-Parlament ħareġ avviż ta’ sitt linji għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali ġdid mingħajr ma inkluda rekwiżiti formali għall-kariga.
Id-data sa meta wieħed jista’ japplika ġiet iffissata bħala l-1 ta’ Awwissu, il-jum meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea normalment jgħalqu għall-btajjel tas-sajf u meta ftit li xejn ikun hemm skrutinju pubbliku tal-attivitajiet tagħhom.
L-irwol ta’ Segretaru Ġenerali ġie rriklamat bħala li jitlob li l-kandidati jkollhom skala li hija skala ’l isfel minn dik tas-Segretarju Ġenerali preżenti u li kellhom dawk ta’ qablu.
Ġie rrappurtat li kien biss dan l-aħħar li ċ-Chief of Staff ta’ Metsola ngħata promozzjoni għall-iskala li tippermettilu jkun eliġibbli.
Id-Direttur tat-Transparency International EU ilmenta li, meta l-organizzazzjoni tiegħu dan l-aħħar għamlet studju dwar l-integrità u l-etika tal-istuzzjonijiet Ewropej, il-Parlament Ewropew kien l-unika istituzzjoni Ewropea mit-tlieta l-kbar li rrifjutat li tikkopera.
Van Hulten stqarr li t-Transparency International EU kienet ittamat li, minħabba li Metsola tant kienet tkellmet bil-qawwa kontra l-korruzzjoni fil-kuntest ta’ Malta, l-affarijiet fil-Parlament Ewropew kienu se jkunu differenti malli hi laħqet President tiegħu.
Huwa esprima d-dispjaċir tal-organizzazzjoni tiegħu għax billi, kif qed jiġi rrappurtat, Metsola qed tipprova tpoġġi liċ-Chief of Staff tagħha stess bħala Segretarju Ġenerali tal-Parlament u biex tagħmel dan qed tgħawweġ ir-regoli interni, la qed tagħmel ġid għaliha nfisha u lanqas għall-Parlament Ewropew hekk kif qed jibdew joqorbu l-elezzjonijiet tal-Parlament tal-2024.