Kif ħafna forsi jiftakru llum jimmarka id-49 sena mit-traġedja tal-ajruplan tal-għamla Vulcan Bomber ġewwa pajjiżna. Nhar l-14 ta’ Ottubru,1975 ajruplan tal-forzi Militari Ingliżi sab diffikultajiet mal-inżul fil-mitjar ta’ Ħal Luqa u fi ftit ħin sploda fuq waħda mill-lokalitajiet tagħna; Ħaż-Żabbar.
Il-kumpanija Emotive Media fil-mument qed tipproduċi Doku-Drama dwar din l-istorja traġika, jew kif ħafna baqgħu isejħulha din id- ‘Diżgrazzja bi Grazzja’. Bil-għan li s-sena d-dieħla, f’għeluq il-50 sena dan l-avveniment jiġi kkomemorat kif jixraq.
Il-produtturi jgħidu li lilhinn mir-rakkont tal-14 ta’ Ottubru ser ikunu wkoll qed iwasslu żmien is-sebgħinijiet permezz ta’ rakkonti u xenarji minn din l-istess epoka. B’hekk ser ikunu qed iqanqlu nostalġija lil ħafna filwaqt li oħrajn ikunu jistgħu japprezzaw dawn iż-żminijiet kemmxejn minsija.
It-tim wara dan il-proġett huwa ffurmat minn tim żgħir iżda li jgħożż l-istorja u l-kultura Maltija. B’riċerka ta’ Chanelle Demicoli, u direzzjoni ta’ Marie-Clare Sammut u l-istess Chanelle Demicoli.
Dawn jgħidulna li din ser tkun l-istorja tan-nies, diversi nies esprimew dak li raw, li ħassew, kif ukoll dak li qatt mhu ser jinsew, lanqas 50 sena wara.
Joseph Agius u Fabian Demicoli huma dawk li mexxew l-intervisti matul din il-produzzjoni, b’Joseph jgħidilna li bħal ħafna, kien semgħa li xi darba ftit snin ilu waqa’ ajruplan fuq Haż- Żabbar iżda dettalji ftit li xejn kien jaf. Iżda meta ġie avviċinat biex ikun parti minn dan il-proġett irrealizza kemm din hija ġrajja li tlaqqgħek mhux biss mat-traġedja imma mas-sitwazzjoni politika f’dak il-perjodu, mat-tradizzjonijiet ta’ dak iż-żmien, mal-aspett reliġjuż u ħafna aktar.
Dan id-Doku-Drama ser ikun qed jixxandar fuq ONE fis-sena 2025. Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti
Għal aktar informazzjoni segwu din il-paġna: https://www.facebook.com/profile.php?id=61567154516998