Intant, l-inċident traġiku fiż-Żurrieq li temm ħesrem il-ħajja ta’ żewġ persuni, tqajjem illejla fil-Parlament, bi stqarrija Ministerjali mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg.
Filwaqt li ta dettalji dwar il-kundizzjoni tal-vittmi li għadhom qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar il-fatti mediċi ta’ dak li ġara lbieraħ.
Qal li malli daħlet it-telefonata li kien hemm inċident, marru żewġ ambulanzi u numru ta’ tobba fuq il-post, li malli għarfu s-serjetà tal-inċident, sejħu għal erba’ ambulanzi oħra u skatta l-protokoll ta’ inċident maġġuri.
Innota kif wara l-inċident, fl-Isptar kien hemm rappreżentant mill-Ministeru tal-Affarijiet li żamm kuntatt ma’ rappreżentanti tal-Ambaxxati rispettivi.
Id-Deputat Prim Ministru rrimarka li bħalissa l-Outpatients tat-tfal qed tintuża bħala ċentru t’appoġġ għall-qraba ta’ dawk involuti fl-inċident, li qed jiġu offruti wkoll għajnuna psikoloġika u loġistika.
Il-Ministru għat-Trasport ta d-dettalji dwar il-vettura involuta fl-inċident, u kkonferma li kellha l-liċenzja u l-polza tal-assikurazzjoni validi.
Fakkar li f’mument li għaddejja inkjesta maġisterjali dwar każ tant delikat huwa importanti li nkunu sensittivi u nistennew biex jiġu determinati l-fatti kollha.