Sittax-il omm welldu t-tieni tarbija tagħhom qabel l-età ta’ għoxrin sena fl-elfejn u sittax.
Dan irriżulta minn statistika ppubblikata mill-Eurostat li wriet li r-rata ta’ tqala fost l-addoloxxenti f’Malta baqgħet fost l-ogħla fl-Ewropa, bin-numri żdiedu għall-ewwel darba fi kważi għaxar snin.
Fl-elfejn u sittax, kien hemm mija u disgħa u erbgħin twelid minn ommijiet li kienu għadhom adoloxxenti.
Skont l-istatistika, r-rata ta’ tqala fost l-adolexxenti meta mqabbla mat-total ta’ twelid, ta’ Malta kienet id-disa’ l-ogħla rata fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Is-soċjologa u terapista tal-familja, Melissa Mifsud mill-Appoġġ fissritilna kif huma bosta l-fatturi li qed iwasslu għal dan il-fenomenu fosthom l-ambjent tad-dar u t-trobbija, l-immaturità, l-influwenza mill-ħbieb u n-nuqqas ta’ stima tagħhom infushom mill-adoloxxenti. Stqarret li l-fattur ta’ kultura jista’ jkun qed iwassal biex numru ta’ adoloxxenti jerġgħu joħorġu tqal bit-tieni tarbija tagħhom.
Minkejja li l-istatistika wriet li tlieta mill-ommijiet adoloxxenti kellhom bejn għaxar snin u erbatax-il sena meta welldu, l-iżgħar eta’ ta’ tfajla adoloxxenti li jafu biha hija dik qrib ta’ tnax-il sena.
Filwaqt li n-numri wrew żieda fin-numru ta’ ommijiet adoloxxenti, kienet innutata kif ir-rata ta’ fertilita’ f’Malta naqqset għar-raba’ l-inqas fl-Ewropa.
Melissa Mifsud żiedet tfakkar li l-Appoġġ toffri għadd ta’ servizzi bħala prevenzjoni u anke bħala għajnuna għal wara li tfajla tiskopri li hi tqila.