Ġie inawgurat il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq it-Torri tax-Xlendi b’investiment ta’ tliet mija u ħamsa u ħamsin elf ewro.
It-Torri tax-Xlendi huwa l-eqdem torri f’Għawdex, li nbena fl-1650 fi żmien il-Gran Mastru Lascaris.
Matul dan ir-restawr, kofinanzjat b’fondi Ewropej, instabu xi affreski li kienu mgħottija fosthom tpinġijiet ta’ kurċifiss, knisja u gandlieri li issa ġew ukoll ippreservati minn restawraturi professjonali.
Dawn ikomplu jikkumplimentaw l-istorja ta’ dan it-torri li issa, li jinsab lura fil-glorja tiegħu, huwa stmat li jkollu madwar għaxart elef viżitatur fis-sena.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri, inawguraw dan il-proġett.
Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri stieden lill-pubbliku biex iżuru dan is-sit b’karatteristiċi uniċi li juru
Qal, “Nistieden lill-pubbliku Malti biex jiġi jara dan it-torri għax verament għandu karatteristiċi uniċi u mill-isbaħ. Ovjament bħala kunsill lokali tal-Munxar nistqarr li jien kommess li nibqgħu nagħmlu dawn l-investimenti fix-Xlendi, investiment li jmur sintonija mal-ambjent naturali tax-Xlendi u mal-karatteristiċi tax-Xlendi.”
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li permezz ta’ dan il-proġett se jkompli jiżdied l-prodott turistiku li toffri l-gżira Għawdxija bil-għan li jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità tissaħħaħ l-ekonomija Għawdxija.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza l-importanza tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna u bl’għajnuna tal-fondi Ewropej inbidel sit inaċċessibbli għal attrazzjoni storika,
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern kommess li jkompli jiffinanzja lill-kunsilli lokali għal restawr fuq postijiet storiċi sabiex il-wirt kulturali ta’ pajjiżna jibqa’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri.