It-Torri tal-Arloġġ. Monument prominenti fil-lokalità tal-Imtarfa.
Dan it-torri, li nbena aktar minn mija u ħamsa u għoxrin sena ilu, huwa l-mimmi t’għajnejn ta ħafna Imtarfin.
B’għoli ta’ aktar minn tletin metru, b’veduta spettakolari ta’ Malta kollha, l-arloġġ tal-Imtarfa huwa wieħed mill-aktar binjiet sinonimi mal-ħakma Ingliża f’Malta.
L-arloġġ ta dan it-torri, għadhu jaħdem f’kundizzjoni perfetta, bit-tokki tal-qniepen tiegħu jidwu mar-Rabat u l-Imdina. Dan grazzi għall-impenn ta’ erba’ voluntiera, li ta’ kull nhar ta’ Ħadd jagħmlu t-tiswijiet neċessarji lil dan l-arloġġ.
Illum, dan it-torri, wirt tal-era kolonjali, reġa’ rritorna lura għall-glorja orġinali tiegħu.
Dan wara restawr estensiv li sarlu b’investiment ta’ iktar minn miljun ewro, b’ko-finanzjament ta’ Fondi Ewropej.
Ix-xogħol tar-restawr jikkonsisti minn tindif tal-biċċiet tal-metall, tneħħija ta’ biċċiet tas-siment jew ramel, tindif tal-fili fuq il-faċċata ta’ barra, restawr ta’ ġebel li ddeterjora maż-żmien, ir-restawr tal-minutieri u tindif tal-magna tal-arloġġ.
Ma dan ir-restawr, ġew installati sistemi ġodda ta’ dawl, kemm fuq ġewwa, kif ukoll fuq barra tat-torri.
Jikkumplimenta dan ix-xogħol insibu wkoll binja ġdida li ser isservi ta’ Ċentru għall-Viżitaturi.
Is-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud, qal li dan il-proġett huwa xempju ta’ kunsill lokali li jsegwi l-ambizzjonijiet, u mhux il-limitazzjonijiet tiegħu.
“Dan il-proġett rajna li jsir restawr fuq it-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa, li huwa sinonimu għalih. Hawnhekk nirringrazzja lin-numru ta’ voluntiera li ħadmu qattih sabiex jirrestawraw il-maġna tal-arloġġ u partijiet oħra essenzjali minn din il-binja.”
Kyle Mifsud – Sindku Imtarfa
Is-Sindku tal-Imtarfa qal li l-ħsieb huwa li dan it-Torri tal-Arloġġ u ċ-Ċentru tal-Viżataturi jkunu parti minn mixja madwar ir-raħal storiku, fejn hemm diversi binjiet ta’ żmien is-servizzi Ingliżi.
“Dan il-proġett li qegħdin ninawguraw illum, huwa parti minn ħolqa ta’ proġetti oħra li għadna pjanati għal din il-lokalità. Inħabbar li din il-ġimgħa stess l-Awtorità tal-Ippjanar approvatilna l-permessi li sottomotejna b’rabta mal-riġenerazzjoni tal-barracks, proġetti ieħor kbir fil-qalba tal-Imtarfa. Ix-xogħol ukoll għaddej sabiex tibda r-riġenerazzjoni tal-pjazza kif ukoll ta’ Pjazza San Oswald, spazju ieħor sabiħ miftuħ fil-konfini tal-Imtarfa li għandu waħda mill-isbaħ veduti tal-Imdina”
Kyle Mifsud – Sindku Imtarfa
Għal l-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr attendew il-Ministri Silvio Schembri, Stefan Zrinzo Azzopardi u Clayton Bartolo, u l-President tar-Reġjun ta’ Tramuntana Clifford Galea.