Għaddej ix-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri ta’ San Tumas f’Marsaskala. Dan il-proġett għandu jwassal sabiex din l-istess binja sservi bħala mużew tal-piraterija – attrazzjoni oħra li se tkompli ssaħħaħ il-portafoll turistiku tal-Gżejjer Maltin.
Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-investiment fir-riġenerazzjoni tat-Torri ta’ San Tumas huwa qrib it-€3.2 miljun b’ko-finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara li saret mil-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq dwar kif il-viżjoni għas-settur turistiku għall-għaxar snin li ġejjin tinkludi ħidma kontinwa biex pajjiżna jkompli joffri xelta ta’ attrazzjonijiet u opportunitajiet kulturali madwar il-pajjiż kollu.
Huwa rringrazzja wkoll lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-impenn tagħha biex pajjiżna jibqa’ kompettitiv fid-dinja turistika.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri ta’ San Tumas qiegħed isir b’investiment ta’ €3.2 miljun, li minnhom €2.5 miljun huma fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Huwa spjega li bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej qegħdin isiru proġetti bħal dawn li jkomplu jsebbħu lil pajjizna. Is-segretarju parlamentari kkonkluda billi qal li dan il-mużew tal-piraterija se jgħin biex ikompli jisaħħaħ il-valur turistiku f’Wied il-Għajn u fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.