Din l-Art Ħelwa ġiet inkarigata mill-Kunsill tal-Mellieħa biex tagħmel xogħol ta’ restawr fuq it-Torri l-Abjad. Il-ftehim iffirmat bejn il-Kunsill lokali tal-Mellieħa u Din l-Art Ħelwa jistabbilixxi li l-proprjetá se tkun tingħata b’self għal għaxar snin biex ikun jista’ jitlesta x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni.
L-assoċċjazzjoni bdiet il-ħidma tagħha biex tiżgura li din iż-żona tkun sigura hekk kif partijiet minnha kienu fi stat ta’ abbandun u għalhekk kienu ta’ periklu għall-pubbliku.
It-torri se jkun qed jiġi restawrat filwaqt li jinżamm fl-istat oriġinali tiegħu. Se jkunu qed isiru ukoll xogħlijiet fuq il-konkrit biex ikun jiflaħ għall-ilma. Ir-restawr jinkludi ukoll xogħlijiet fuq il-pavimentar taż-żona. Dan ir-restawr se jkun qed jitlesta fi żmien tliet snin.
Dan il-proġett se jkun qed jitmexxa minn Martin Vella, l-gwardjan tat-torri ta’ Wignacourt f’San Pawl il-Baħar. Il- membri tal-kumitat responsabbli mir-restawr huma Josie Ellul Mercer u Dr Stanley Farrugia Randon. Il-perit Joseph Attard ġie appuntat mill-Kunsill tal-Mellieħa biex isegwi l-proċess ta’ restawr.
Il-pjanijiet ta’ Din l-Art ħelwa huwa li dan it-Torri jibda jintuża għall-attivitajiet edukattivi u kulturali. It-torri l-abjad se jkun ukoll aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltá. Dan is-sit se jkun qed jinfetaħ għall-pubbliku li se jkunu qed jingħataw informazzjoni dwar l-istorja tat-torri filwaqt li jaraw eżebizzjoni li tiffoka fuq l-akwakulturu u l-flora u l-fauna li jinsabu f’din iż-żona.