Il-baġit għas-sena d-dieħel se jkun baġit ta’ kontinwazzjoni. Baġit li se jkunu simili għal dawk li drajna bihom taħt Gvern Laburista.
Waqt intervent telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat sostna li se terġa tintuża l-istess strateġija li ntużat fl-aħħar erba snin. Irrimarka kif se tingħata imbuttatura fuq l-implimentazzjoni tal-programm elettorali.
Filwaqt li ma jista isir kollox f’daqqa, il-priorità se tkun it-toroq u l-infrastruttura. Il-Prim Ministru Muscat emfasizza li din se sseħħ mhux billi sempliċiment jiżdiedu l-fondi, iżda billi fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, tinħoloq struttura ġdida ta’ kif ikunu mmaniġjati t-toroq Maltin u Għawdxin. Ġaladarba din tkun maħluqa, jibda l-proġett li fuq medda ta’ seba snin, se jitranġaw it-toroq kollha.
Il-Ħadd filgħodu, Muscat spjega wkoll li wara l-waqfa tas-Sajf, fost l-ewwel xogħolijiet tal-Parlament se tkun ir-riforma fil-kwoti, li hija maħsuba biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Hawnhekk sostna li se jsiru diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni sabiex dan il-mandat jiwettaq anke b’kollaborazzjoni. Ma naqasx ukoll milli jitkellem fuq is-suċċessi kontinwi li qed jikseb pajjiżna fejn tidħol l-ekonomija. Sostna li din kienet l-ewwel darba li pajjiżna rreġistra surplus fl-ewwel kwart ta’ sena, u għalhekk juri li dak li nkiseb is-sena l-oħra ma kienx sempliċiment ta’ darba.