Il-Ħamis filgħaxija ż-Żurrieq laqa’, għall-ewwel darba, l-attivitajiet tal-Karnival fi ħdanu bi sfilata ħdejn il-Knisja parrokkjali u t-toroq tal-madwar.
Il-folla numeruża, li attendiet, setgħu jgawdu atmosfera mill-isbaħ u mżewqa bl-ilwien kollha li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet iġibu magħhom. Fost l-oħrajn, ħadu sehem tliet karrijiet bil-mużika, banda u żfin. Tfal ta’ diversi etajiet u adulti lebsin kostum ukoll ħadu sehem f’kompetizzjoni li ġiet inkorporata mill-Kunsill Lokali, li organizza l-attivitajiet bis-sehem ta’ Festivals Malta.
Sorpriża għal kulħadd kienet ukoll il-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, li qatta’ ħin jitkellem man-nies fl-attività. Mal-pubbliku wkoll kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli.