28 sport. Mitejn Nazzjon. 11,000 atleta.
Il-Ġimgħa filgħaxija jingħata bidu uffiċċjali għall-Olimpjadi f’Rio, b’ċeremonja spettakolari mħejjija għal miljuni ta’ segwaċi ta’ dan l-ikbar avveniment sportiv fid-dinja.
Kien proprju fit-tnejn t’Ottubru elfejn u disgħa meta l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ħabbar li minn Londra, t-torċa famuża se ttir lejn Rio għal dawk magħrufa bħala l-‘Games of the 31st Olympiad’. Kif inhi t-tradizzjoni, l-fjamma Olimpika xegħlet f’April li għadda fit-tempju t’Hera fil-Greċja; fejn seba’ mitt sena qabel Kristu saru l-ewwel Olimpjadi.
B’206 nazzjon parteċipi, l-edizzjoni f’Rio se tibqa’ mniżżla fl-istorja għall-ikbar numru ta’ parteċipanti fl-istorja tal-Olimpjadi. Fost id-debuttanti hemm il-Kosovo u s-Sudan t’Isfel.
Għal pajjiżna, hemm ixejjru l-bandiera bajda u ħamra bi qlubija t-tiraturi William Chetcuti u Eleanor Bezzina, Charlotte Wingfield u Luke Bezzina mis-sezzjoni ‘Track & Field’, il-weightlifter Kyle Micallef, u l-għawwiema Andrew Chetcuti u Nicola Muscat. Il-kontinġent Malti fil-Brazil hu mmexxi mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u s-Segretarju Ġenerali Joe Cassar.
Lil’hinn mill-pajjiżi debutattanti, l-Olimpjadi ta’ Rio jintroduċu ukoll żewġ dixxiplini sportivi ġodda, proprju l-golf u r-rugby sevens, b’dan tal-aħħar simili għar-rugby komuni iżda b’format differenti.
B’hekk bejn sal-21 t’Awwissu hemm aktar minn 300 midalja x’jintrebħu, f’aktar minn 33 post differenti madwar il-Brażil. L-istadium leġġendarju tal-Maracana, li sentejn ilu ospita l-finali tat-tazza tad-dinja bejn il-Ġermanja u l-Arġentina, se jerġa jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif se jservi bħala l-istadium Olimpiku.
Jirriżulta li l-Brażil huwa proprju l-ewwel pajjiż mill-Amerka t’Isfel li se jospita l-Olimpjadi tas-Sajf. Dan anke jekk ironikament, fil-Brażil bħalissa hemm l-istaġun tax-xitwa.
Lil’ hinn mill-istaġuni, l-preparamenti għall-Rio 2016 kienu mtappna b’numru ta’ kontroversji, mhux l-inqas l-instabbiltà politika tal-pajjiż, l-iżvilupp tal-virus Zika, u t-tniġġis qawwi f’ċertu żoni tal-Brażil. L-iskandlu tal-atleti Russi kompla jgħawwar il-borma, b’dawn tal-aħħar jevitaw sospenzjoni ġenerali mill-Olimpjadi bi żbrixx.
U f’aħbar pożittiva minn kriżi umanitarja li ddominat l-aħbarjiet fl-aħħar xhur, f’Marzu li għadda l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali approva pjanijiet biex f’Rio jikkompetu atleti indipendenti. B’hekk atleti li ħarbu l-jasar f’pajjiżhom biex sabu refuġju fi stati ospitanti ingħataw iċ-ċans li jikkompetu f’Rio taħt il-bandiera Olimpika. Għall-ewwel darba, f’Rio 2016 se naraw ukoll it-tim Olimpiku tar-refuġjati, b’għaxar membri fi ħdanu.
Ħarset id-dinja issa ddur fuq il-Maracana, bi snin ta’ tħejjijiet jilħqu l-qofol tagħhom fi spettaklu ta’ nar u mużika sinkronizzata, b’tama li jiżboq il-ftuħ eċċezzjonali tal-Olimpjadi f’Londra erba’ snin ilu.