Yousef Essesi, wieħed mill-arrestati b’rabta mas-serqa ta’ 200 kilogramma reżina tal-kannabis mill-barracks tal-AFM, kien wieħed mill-“vittmi” li saret referenza għalih fir-rapport tal-Ombudsman dwar il-ħabs.
Dan intqal fil-gazzetta t-Torċa tal-Ħadd fejn Essesi, li għandu fedina kriminali mill-aktar ikkulurita, kien qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija, meta l-eks Direttur tal-Ħabs Alex Dalli ma approvax il-Prison Leave biex joħroġ jiżżewweġ. Kienet l-ex tfajla tiegħu li żvelat dan permezz ta’ intervista fuq l-istazzjon nazzjonali.
Il-gazzetta qalet li f’din l-intervista it-tfajla kienet sostniet li kienet ilha ma tkellem lill-Essesi għal snin twal qabel ma darba waħda kien batilha messaġġ waqt li kien il-ħabs. Saħansitra qalet li huwa għamel dan permezz ta’ mobile li kien fil-pussess tiegħu b’mod illegali. F’din l-intervista ingħad ukoll li dan il-każ seħħ fi sfond ta fejn għall-ewwel darba, l-ebda priġunier li ġie ttestjat għad-droga ma immarka pożittiv.
Hija kienet ilmentat li Dalli kien kisrilha d-drittijiet tagħha wara li waqqaf lill-Essesi milli joħroġ mill-ħabs. F’kawża kostituzzjonali miftuħa mill-priġunier, l-eks Direttur tal-ħabs kien qal li Essesi kellu 107 każ ta’ dixxiplina fil-ħabs. Huwa kien ingħata wkoll sentenza ta’ priġunerija wara li kien hedded uffiċjal waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Madanakollu tliet snin ilu l-Qorti kienet sabet li l-ħabs kien kiser id-drittijiet ta’ Essesi u l-eks tfajla tiegħu u ordnat lill-ħabs iħallashom kumpens ta’ €1,500.
Fir-rapport tiegħu l-Ombudsman iġġustifika l-fatt li l-eks tfajla ta’ Essesi irrekordjat ukoll uffiċjali tal-ħabs waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Dakinhar il-ħabs kien ħareġ projbizzjoni biex din il-mara ma tidħolx fil-ħabs.
Meta kien ta d-dispożizzjoni tiegħu dwar dan il-każ, Dalli kien stqarr li fattur ieħor għala ma laqax l-applikazzjoni tal-prison leave kienet li Essesi kien diġà instab ħati li hedded lill-eks tfajla tiegħu u lil familtha.
Dalli kien spjega wkoll li Essesi kien kisser kompletament id-diviżjoni fejn kien jgħix kif ukoll darb’oħra ta n-nar lid-diviżjoni li kien fiha.
B’rabta ma’ dan ONE News bagħat mistoqsijiet lill-istess Ombudsman jekk fid-dawl ta’ dak li ġara b’rabta mal-każ tas-serqa tad-droga fejn fuq il-każ qed jiġi akkużat Yousef Essesi, għadekx komdu li bbaża parti mir-rapport dwar id-deċiżjoni li Essesi ma tħalliex joħroġ mill-ħabs biex jiżżewweġ. Madanakollu l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għażel li ma jikkummentax dwar dan.