Jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba ħafna t-tliet membri tal-familja Taljana li s-Sibt li għadda nstab li kellhom il-coronavirus wara li ġew minn btala fl-Italja.
Dan iddikjarah it-tabib Charles Mallia Azzopardi li qed jieħu ħsieb il-kura tat-tifla ta’ tnax-il sena u l-ġenituri tagħha fl-Isptar Mater Dei.
“Kundizzjoni tagħhom hija stabbli. Kuntenti bis-sitwazzjoni kif inhi minn naħa tagħna. U nispera li tibqa’ l-stess.”
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Mater Dei, l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li d-Dipartiment tas-Saħħa traċċaw il-persuni li b’xi mod setgħu kienu f’kuntatt mal-familja milquta. Qalu li minn minn testijiet li saru fuqhom inkluż fuq il-familja l-oħra li kienet mal-familja Taljana, irriżultat fin-negattiv ukoll għal coronavirus.
Min seta’ kien f’riskju tal-infezzjoni ġie tested. Ġie traced u followed up mill-isptar. Kull minn seta’ kien hemm xi possibbiltà li għamel xi kuntatt magħhom ġew traċatti sarulhom is-swab, min kellu bżonn u s’issa kulħadd negattiv.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei Chris Barbara qal li b’kollox saru mitejn wieħed u tletin swab test fuq każijiet suspettużi, filwaqt li saru aktar minn tliet mitt test ieħor fuq nies li daħlu l-isptar fuq każijiet oħra u dawn kollha rrizultaw fin-negattiv għal Coronavirus.
Lebsin l-ingravata fil-qmis, l-uffiċjali tas-saħħa elenkaw il-prekawzzjonijiet li qed jittieħdu sabiex it-tobba u l-infermiera fl-Isptar ikunu protetti. Qalu li mal-mitejn tabib u tabiba flimkien ma’ mijiet ta’ infermiera ngħataw taħriġ apposta minħabba dan il-virus.
Waħda mill-infermiera tat demostrazzjoni tal-ilbies protettiv li qiegħed jintilbes skont direttiva tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Ilbies komdu, iżda li jipproteġi lit-tobba u l-infermiera.
Izda l-awtoritajiet tas-saħħa reġgħu appellaw lill-pubbliku sabiex kulħadd ikun responsabbli. It-Tabib Mallia Azzopardi sejjaħ lill-familja milquta bil-virus bħala responsabbli għax ma ħarġux mid-dar wara li ġew mill-Italja u għamlu kwarantina.
Dawn għadhom iżolati minn kulħadd għadu d-dar u l-ħbieb tagħhom bdew iġibilhom l-ikel id-dar u jħalluh wara l-bieb. Taħt l-ebda sitwazzjoni ma ħarġu mid-dar wara li ġew mill-Italja. Ovjament imbagħd ċemplu lil helpline. Il-helpline marru għamlu l-iswab u ġibniehom hawnhekk.
It-Tabib Charles Malli Azzopardi spjega li meta l-familja tiġi liċenzjata mill-isptar se tinzamm f’post sigur biex ma tkunx ta riskju għall-ħaddieħor.
Naraw fejn ħa jmorru minn hawnhekk. Iridu nkunu ċerti li ħa jkunu f’post sigur biex huma jkunux ta’ riskju għal popolazzjoni Maltija.
Id-Direttur Tal- Promozzjoni Tas-Saħħa u l- Prevenzjoni tal- Mard Paula Vassallo qalet li fuq il-helpline 111, daħlu aktar minn tlettax-il telefonata mingħand nies imħassba jew li kellhom domanda dwar il-coronavirus.