Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-proġett tal-Grand Harbour Clean Air, b’investiment ambjentali ta’ kważi €50 miljun.
L-aġenzija Infrastruttura Malta bħalissa qed tlesti t-tqegħid tal-kejbils ta’ vultaġġ għoli taħt l-art, li se jinfurzaw is-sistemi tal-elettriku mill-art għall-vapuri tal-kruċieri u bastimenti oħra li jżuru Malta.
Permezz ta’ dan il-proġett, it-tniġġis fl-arja se jonqos b’90%.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlu fuq il-lant tax-xogħol il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal kif dan il-proġett juri l-prijoritajiet tal-Gvern għall-futur ta’ pajjiżna. Permezz tax-xogħol li qed isir, il-familji se jgawdu minn arja aktar nadifa u minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal ukoll li, permezz ta’ hekk, pajjiżna qed jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Farrugia spjega kif l-ewwel konnessjonijiet mill-mollijiet tax-Xatt ta’ Pinto fil-Furjana u ta’ Boiler Wharf fl-Isla se jkunu saru sa nofs is-sena d-dieħla. B’dan ifisser li Malta se tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li jkollha din it-teknoloġija fil-port tagħha.
Qal, “Dan huwa proġett, l-ewwel ħaġa illi se jkompli jgħin lill-ekonomija Maltija, iżda mhux biss se jagħti lura s-saħħa lil 17,000 familja li kienu, rightly so, jikkomplenjaw bit-tniġġis li kien hawn fil-Port il-Kbir. Hawnhekk se jonqos b’90% it-tniġġis illi hawn u allura dawn il-familji se nagħtuhom lura dak li jixirqilhom.”
Il-Ministru Farrugia spjega li studji jindikaw li, permezz tal-proġett, fi żmien 20 sena, Malta se tiffranka €375 miljun fi spejjeż marbuta mal-konsegwenzi tat-tniġġis tal-arja.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li €45 miljun minn dan il-proġett, li se jaffettwa l-ħajja ta’ 17,000 familja li tgħix madwar il-Port il-Kbir, ġejjin minn fondi Ewropej.
Qal, “Ilhom ħafna snin, wara li għalaqna l-power station tal-Marsa, u diġà tajna nifs lil din iż-żona. Issa ħa mmorru biex inkomplu naraw li jonqos it-tniġġis, u dan huwa proġett illi la jasal biex jiftaħ se jkun mudell ta’ kif aħna morna u ħadna lill-pajjiż fis-seklu 21, b’teknoloġija avvanzata u b’infrastruttura denja ta’ dan il-poplu.”
Waqt din iż-żjara ġie spjegat kif l-Infrastruttura Malta poġġiet l-aħħar medda ta’ kejbils taħt l-art bħala parti minn netwerk ta’ tmien kilometri li jqassam l-elettriku minn ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Enemalta mill-Marsa għal żewġ stazzjonijiet fil-Marsa u fl-Isla.