L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu taħt il-Patroċinju Distint tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, nediet il-Qaritona Nazzjonali (National Readathon). Preżenti għal din it-tnedija li ġiet organizzata fil-Palazz tal-Verdala fil-Buskett, kien hemm ‘il fuq minn mitt student tar-raba’ sena mill-iskejjel primarji ta’ Ħal Qormi San Bastjan u Ħal Qormi San Ġorġ. L-għanijiet tal-Qaritona huma li titrawwem iktar imħabba għall-qari fost it-tfal filwaqt li tintwera solidarjetà mal-oħrajn.
Matul it-tnedija, it-Team tal-Litteriżmu tal-Kulleġġ San Injazju organizza sessjonijiet ta’ qari għall-gost bil-parteċipazzjoni tal-istudenti. L-attivtà ġiet ippreżentata mill-Ambaxxatriċi tal-Qari Corazon Mizzi u matulha ħadu sehem ukoll Samuel Farrugia u Karl Abela, li wrew in-namra tagħhom għall-qari u l-kotba lil dawk preżenti.
Il-President saħqet fuq l-importanza li t-tfal kollha jiksbu l-ħiliet neċessarji tal-litteriżmu. Hi tkellmet ukoll fuq il-bżonn ta’ aktar għarfien dwar il-bżonnijiet edukattivi speċifiċi ta’ kull tifel u tifla u dwar il-ħtieġa li kull tifel u tifla jkollhom esperjenza pożittiva tat-tagħlim.
Il-President spjegat li l-Qaritona Nazzjonali għandha żewġ skopijiet fundamentali, “dak li nippromwovu l-importanza tal-ktieb u tal-qari, iżda wkoll ser isservi biex jinġabru fondi li permezz tagħhom, madwar 67 tfal u żgħażagħ neqsin mid-dawl se jingħataw apparat teknoloġiku biex huma wkoll ikunu jistgħu jaqraw”.
Fl-ewwel stadju tagħha din l-inizjattiva fil-fatt għandha twassal biex 67 student nieqsa mid-dawl jingħataw l-għodda edukattivi teknoloġiċi li jeħtieġu.
“Bil-qari ser inkunu qed ngħinu lilna nfusna biex ikollna moħħna b’saħħtu ħalli jkun kreattiv ħafna, u bil-flus li niġbru, ngħinu lil ħaddieħor biex b’hekk inħaddnu bis-sħiħ il-valur li jimpurtana minn xulxin”, tenniet il-President.
Fid-diskors tagħha, il-President appellat lill-awtoritajiet sabiex jinvestu fl-għalliema tal-Braille, u appellat ukoll lill-Unversita’ ta’ Malta biex tikkunsidra l-possibilità li jingħata scribe għal studenti neqsin mid-dawl li jkunu se jagħmlu l-eżamijiet tal-A Level.
Il-Qaritona Nazzjonali qiegħda tiġi organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu b’kollaborazzjoni mal-President’s Trust u s-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel, bis-sehem tar-RE/MAX and Friends Foundation.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkun qed toħroġ ċirkolari dwar il-Qaritona għall-iskejjel primarji kollha. It-tfal kollha huma mħeġġa jagħtu sehemhom.