Meta wieħed iħares lejn l-istess perjodu ta’ din is-sena u jqabbel ma’ dak tas-sena l-oħra, Malta kellha aktar minn 170 persuna li kienet tinsab rikoverata l-isptar kawża tal-Covid-19.
Dan meta l-gżejjer Maltin ma kellhomx il-vaċċin kontra l-Covid-19 iżda kellha restrizzjonijiet aktar stretti.
Bħalissa Malta għandha madwar 30 persuna rikoverata fl-isptarijiet kawża tal-Covid-19.
Prova ċara kif il-vaċċin jaħdem.
Qal dan fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ ONE News, il-Kap tat-Taqsima għall-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, Dr Charles Mallia Azzopardi meta mistoqsi dwar l-importanza tat-teħid tal-vaċċin u kif ukoll tal-booster.
Meta mistoqsi dwar il-ħtieġa tal-ilbies tal-maskra, Dr Mallia Azzopardi spjega kif il-maskra sservi bħala saff ta’ protezzjoni flimkien ma’ prekawzjonijiet oħra fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali u kif ukoll il-vaċċin.
Spjega kif permezz ta’ dawn is-saffi ta’ protezzjoni wieħed ikun aktar sigur u jnaqqas aktar ir-riskju.
Rigward it-tilqim fost tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena, Dr Mallia Azzopardi spjega kif il-wasla tal-vaċċin tinsab fil-qrib u kif iċ-ċans hu li kif tasal Malta, il-vaċċin se jibda jingħata proprju l-għada.
Hu sostna kif id-doża għat-tfal hija inqas minn dik tal-adulti iżda xorta waħda tinqasam fuq żewġ dożi.
Temm billi appella kif it-teħid tal-vaċċin ifisser li wieħed ikun qed jipproteġġi kemm lilu kif ukoll lit-tfal u dawk ta’ madwaru.