“Din hija xi ħaġa li tinkwetani ħafna”
Kliem Dun Ġorġ Dalli għar-riżultati taċ-ċensiment li wera kif niżlu għal erbgħin fil-mija l-Kattoliċi Maltin li jattendu l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, u erbgħa u sebgħin fil-mija jmorru l-quddies tal-inqas darba fix-xahar. Dan minkejja li tnejn u disgħin fil-mija tal-Maltin qalu li huma Kattoliċi.
Dun Ġorġ Dalli esprima t-tħassib tiegħu dwar din ir-realtà li l-knisja Maltija qed taffaċċja.
Hu qal li “Din hija xi ħaġa gravi u xi ħaġa li tinkwetani ħafna. Ħafna nies imorru l-Knisja u ma jieklu xejn – jghidulek boring – kemm ser iddum tmur xi ħaġa li hi boring? Jien ngħidhilhom morru x’imkien ieħor.”In-numru ta’ nies li jmorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd niżel bi tnax punt sitta fil-mija meta mqabbel mal-elfejn u sitta, meta l-attendenza kienet ta’ tnejn u ħamsin fil-mija.
Staqsejna lil Dun Ġorg għalfejn jaħseb li n-nies qegħdin jitbiegħdu mill-Knisja.
Dun Ġorġ Dalli qal li “minħabba l-attitudni tagħna r-rgħajja, ħafna nies jibżgħu jersqu lejna – iktar moħħna biex niddefendu d-dutrina tal-knisja milli biex inħobbu n-nies – iktar moħħna biex niddefendu l-ligi kanonika milli nħobbu n-nies – il-Papa qed itina eżempju ħaj li nitwieldu mill-ġdid.”
Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka ser jiġu analizzati minn kumitat pastorali li ser ikun mgħejjun minn esperti flimkien mas-sehem attiv tal-kappillani mis-70 parroċċa f’Malta, ħalli b’hekk isiru t-tibdiliet meħtieġa bil-għan li l-Knisja tkompli twassal il-messaġġ tagħha filwaqt li tkun ta’ servizz għan-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Spjega li hemm bżonn li “Pjan pastorali qawwi infarfruħ mit-trab. Hemm bżonn li għal darba jsir pjan, niddiskutuh u nitkellmuh. Pjan b’attitudni ta’ tfittxija mhux li we know it all.“
Minbarra l-pjan pastorali, Dun Ġorġ appella sabiex iċ-ċelebrant, ikun aktar ippreparat għall-quddies ħalli b’hekk tasal il-kelma t’Alla.