It-tnaqqis fil-faqar hu frott għadd kbir ta’ miżuri li ħa l-Gvern tul l-aħħar snin.
Filwaqt li hemm miżuri oħra li għad irid jinħass l-efett tagħhom.
Dan kien spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Ministeru għall-Familja u l-Politika Soċjali esprima s-sodisfazzjon għal dawn ir- riżultati.
Mark Musu, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, spjega kif hemm tmienja u sittin (68) miżura fil-baġits tas-snin elfejn u tmintax u ta’ din is-sena li għad irid jibda jkun ikkalkulat l-effett tagħhom.
Dan għax l-istatistika inħadmet fuq id-dħul għas-sena elfejn u sbatax.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif sa dik is-sena pajjiżna kien diġa’ għamel passi ta’ ġgant ‘il quddiem.
Qal kif “Fejn tidħol iċ-ċaħda materjali severa hawnekk kellna wkoll riżultati kważi kważi ikbar milli kellna fl-oħra fejn qed nitkellmu hawnekk li l-figura llum hija terz ta’ dik li tlaqna biha fl-2013, tlaqna bi 43 elf illum qed nitkellmu madwar 14 –il elf ukoll din il-figura hija l-aħjar figura illi qatt ġab pajjiżna, minn medja tagħna hija n-nofs ta’ dal li huwa l-medja fil-kumplament ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea”
Il-Ministru Michael Falzon fisser dwar kif dan hu frott ta’ viżjoni tal-gvern li għandu l-ġlieda kontra l-faqar bħala waħda mill-għanijiet ewlenin tiegħu.
Tant li bidliet u miżuri meħuda f’oqsma differenti lkoll iwasslu biex jintlaħaq dan il-għan.
Spjega kif “Hemm diversi miżuri, kellek fuq quddiem nett it-tapering of benfit li wassal għal ħafna aktar nies biex jidħu fid-dinja tax-xogħol, kellek l-inwork benefits, kellek iż-żidiet fil-penzjonijiet li għal darba, tnejn, tlieta u erbgħa ngħataw minn din l-amministrazzjoni…kellek miżuri oħra bħal childcare b’xejn, trasport tal-iskola b’xejn…”
Minkejja dawn ir-riżultati pożittivi, il-gvern se jibqa’ determinat li jwettaq iktar bidliet bil-għan li jkompli jwieżen iktar persuni biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Temm billi qal “L-impenn soċjali żgur li ser jibqa’ hemm, huwa żgur li kif qal il-Prim Ministru li ser jiżdiedu l-penzjonijiet u huwa żgur ukoll li naħdmu aktar biex inkomplu ntejbu aktar il-kundizzjoni tal-għejxien tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”
Reġgħet naqset ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali
Rapport dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (SILC) tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li reġgħet naqset ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni. Dan għal ħames sena konsekuttiva. Din ir-rata issa niżlet għal 19%, l-anqas rata minn mindu beda jsir dan l-istħarriġ fl-2005. L-istħarrig fost 9,800 persuna fi 3,820 familja u kien jikkonċentra dwar l-impjieg u d-dħul tagħhom.