Nhar is-Sibt 16 ta’Settembru se ssir it-tminn edizzjoni ta ‘Merħba Sengleana’ li din is-sena se tkun festa li tinvolvi il-belt tal-Isla kollha.
Dan hekk kif matul dan il-jum bosta għaqdiet u persuni se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom biex juru t-talenti taghhom.
Talenti li lkoll jikkontribwixxu ghall-kultura ta’ pajjizna.
Waqt żjara fl-Isla s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, flimkien mas-sindku Joseph Casha, tkellem dwar l-attività li għandha l-għan li turi l-wirt kulturali u artistiku tal-Isla permezz ta’ numru ta’ attivitajiet.
Silvio Parnis qal li l-attività, imtellgħa bl-għajnuna tal-kunsill lokali, hi waħda minn għadd ta’ attivitajiet kulturali mtellgħin mill-kunsilli lokali li qed jiġu sussidjati taħt l-iskema ‘Attivitajiet Kulturali għas-sena 2017’. L-attivitajiet kulturali jitfgħu dawl fuq l-istorja u l-kultura tal-lokalità u juru kemm hu importanti li l-kunsilli lokali jippromwovu inizjattivi biex iżommu t-tradizzjonijiet u l-kultura lokali ħajjin.
Is-Segretarju Parlamentari awgura kull suċċess lill-Kunsill Lokali tal-Isla u qal li hu ta’ sodisfazzjon għalih li l-kunsilli lokali qed jagħtu s-sehem attiv tagħhom biex iżommu t-tradizzjonijiet ħajjin sabiex jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet tal-lum.