Aktar fkieren komplew jitilgħu fuq il-bajjiet Maltin u Għawdxin fejn qed isibu ambjent ideali biex ibejtu. Fil-fatt, kmieni dalgħodu ġiet ikkonfermata t-tmin bejta għal dan l-istaġun, b’fekruna oħra li daħlet fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra Għawdex.
Wara li, din is-sena, kien diġà nkiser ir-rekord ta’ bejtiet simili fi staġun wieħed, din hi l-ewwel darba li qed jiġu rreġistrati tmin bejtiet fuq ix-xtut f’pajjiżna.
Aktar minn hekk, uffiċjali tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-għaqda Nature Trust skoprew li din kienet l-istess fekruna li kellha s-sitt bejta aktar kmieni din is-sena. It-tieni każ ukoll din is-sena fejn fekruna telgħet tbejjed it-tieni darba fl-istess staġun.
L-ERA u n-Nature Trust qalu li hu pożittiv li, din is-sena, il-bajjiet Maltin qed ikunu ta’ kenn għal din l-ispeċi protetta. Mill-ġdid, il-pubbliku ġie mħeġġeġ jirrapporta jekk jinnota xi fekruna tbid, waqt li jżommu d-distanza u ma jagħmlux storbju żejjed.