Il-ballu tal-qamar t’Awwissu b’risq il-Malta Community Chest Fund se jsir nhar is-Sibt l-ewwel t’ Awwissu fil-Palazz Verdala.
Dan tħabbar l-Erbgħa filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar l-istess ballu.
Ballu li ilu jsir minn żmien il-Gvernaturi ta’ żmien l-Ingliżi.
Il-President ta’ Malta George Vella saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-avveniment hekk kif jiftaħ l-istaġun tal-avvenimenti b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Il-President Vella qal li f’dawn ix-xhur l-ispiża tal-mediċina ta’ pazjenti Maltin qed tiswa eluf ta’ ewro.
“L-appell tiegħi imur mhux biss li nies li jiġu u nieħdu Gost bħal ma għamilna sena l-oħra, nispera li jkun anke ta’ livell bħal ma kien ta’ sena l-oħra, pero fl-istess ħin qed nikkontribwixxu għal din il-kawża ġusta.”
Iċ-chairman tal-kumitat organizattiv tal-ballu, il-Marchesino Daniel De Petri Testaferrata, saħaq kif din is-sena bħal kull sena oħra se jkun ballu tal-aqwa livell, filwaqt li se jiġu osservati d-direttivi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom id-distanza soċjali u l-ħasil tal-idejn.
“Din se tkun lejla ta ċelebrazzjoni, lejla li nerġgħu nxejru il-bandiera tal-August Moon Fest, nerġgħu nibdew ingawdu l-kumpanija ta’ xulxin, nerġgħu ngawdu l-majesta tal-palazz tal-Verdala, biex għal darb’oħra ngħinu lil Malta Community Chest Fund.”