L-artist Amerikan Gilbert Baker, li ħoloq il-bandiera kulurita simbolu tal-hekk imsejjaħ ‘gay pride’, ħalla din id-dinja fl-età ta’ 65 sena.
Baker ħoloq is-simbolu ta’ tmien kuluri f’San Francisco fl-1978, meta kienu saru ċelebrazzjonijiet f’isem persuni gay. Huwa kien eks suldat li kien tgħallem iħit, u permezz ta’ din il-ħila ħoloq il-bandiera. Kien ukoll attivist qawwi fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni LGBT.
Ħafna qed jesprimu dispjaċir għall-fatt li issa l-moħħ wara s-simbolu ta’ imħabba u għaqda m’għadux fosthom. Huwa miet waqt l-irqad f’daru fi New York. Fost il-kummenti, hemm min qed jgħid li d-dinja issa hija inqas ikkulurita mingħajru.