L-20 ta’ Awwissu, 2012. Ġurnata li fiha pajjiżna beka t-telfa ta’ ġgant politiku, il-Perit Duminku Mintoff.
Dak li jibqa’ mfakkar għall-ħidma u l-kisbiet li għamel għall-pajjiżna. Ħidma mmirata sabiex terfa’ liż-żgħir u ġġib il-bidla tant meħtieġa f’pajjiżna dak iż-żmien. Ta’ statista li kien, Mintoff mexxa politika li jiżgura l-paċi u l-istabbilità kemm fl-Ewropa u anke fil-Mediterran.
Matul ħajtu Dom Mintoff dejjem ħaddan u pproklama b’mod qawwi s-sovranità tal-gżejjer Maltin. Huwa jibqa’ mfakkar ukoll għat-talbiet finanzjarji li għamel lill-Ingliżi u lin-NATO li wasslu għall-iffirmar ta’ trattat ta’ difiża mal-Gran Brittanja fl-1972.
Dan it-trattat ġab miegħu t-tneħħija b’mod gradwali tad-dipendenza li pajjiżna kellu fuq in-nefqa militari Ingliża, kif ukoll il-ħelsien ta’ Malta minn bażijiet militari barranin sa Marzu 1979. Huwa emenda wkoll il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna sabiex minn Monarkija Malta ssir Repubblika.
Il-poplu beka t-telfa tal-eks Prim Ministru u eks mexxej tal-Partit Laburista f’funeral statali twil erba’ sigħat li fih t-tebut tiegħu mgeżwer fil-bajda u l-ħamra li tant kien iħobb, iddawwar fuq l-ispalel tas-suldati tal-forzi armati. Corteo li għalih il-poplu attenda bi ħġaru biex jagħtih l-aħħar tislima.
Dakinhar, hekk kif it-tebut tiegħu inħareġ fuq iz-zuntier tal-konkatidral ta’ San Ġwann il-poplu nfexx f’ċapċipa waħda.
Bi gratitudni għall-ħidma tiegħu sabiex il-poplu Malti jingħata r-rispett li jistħoqqlu u jingħata l-identità ta’ ġens ħieles, folol kbar ingħaqdu fil-kant spontanju tal-Innu Malti.
Kant li sellem lil ġgant politiku li għalkemm huwa ħalliena, il-legat li ħalla warajh jibqa’ jinħass għal ġenerazzjoni wara l-oħra.